Mil-Lum L-Użu Tal-Maskri Se Jibqa’ Obbligatorji Biss Fl-Isptarijiet, Kliniċi U Djar Tal-Anzjani

Mil-lum, it-Tnejn, 2 ta’ Mejju se jkun qed ikomplu jitnaqqsu l-miżuri marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.
Dan kien tħabbar għaxart ijiem ilu mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Prof. Charmaine Gauci.
Mil-lum se jkun neċessarju biss li jibqgħu f’kwarantina dawk il-persuni li jkunu pożittivi għall-Covid-19 biss. Dawk pożittivi, iridu jagħmlu t-test tal-Covid-19 fis-seba’ jum u jekk jibqgħu pożittivi jridu jibqgħu fi kwarantina għal tlett ijiem oħra.
Din ir-regola ser tgħodd għar-residenti kollha f’Malta, imlaqqma u mhumiex.
Mil-lum ukoll persuni li se jkollhom kuntatt ma’ persuni pożittivi mhux ser jibqa’ jkollhom l-obbligu li joqgħodu f’kwarantina. Dawk li jgħixu fl-istess residenza mhux se jkunu obbligati lanqas li joqgħodu kwarantina però fit-tielet jum li joħroġ il-każ pożittiv għandhom jagħmlu test.
Id-DPM Chris Fearne kien ħabbar ukoll li mil-lum l-użu tal-maskri se jibqa’ obbligatorji biss fl-isptarijiet, fi kliniċi u fid-djar tal-anzjani.
Dwar l-ivvjaġġar mil-lum ukoll il-Passenger Locator Form mhux ser tibqa’ neċessarja.