Monsinjur Joe Vella Gauci Jirbaħ Libell Kontra Pierre Gaffiero

Monsinjur Dr Joseph Vella Gauci rebaħ każ ta’ libell kontra Pierre Gaffiero wara li kien implikat b’abbuż fuq il-midja soċjali. Gaffiero kien kiteb tliet posts fuq twitter li jimplikaw lis-saċerdot b’abbuż. Akkumpanjat mal-posts kien hemm ukoll ir-ritratt ripetut tas-saċerdot.
Monsinjur Vella Gauci kien qal li Gaffiero kien mar fl-uffiċċju tiegħu u allega li wettaq abbuż fuq tfal minuri li jgħixu f’Għawdex. Apparti hekk, Gaffiero kien ċempillu u uża lingwaġġ pastaż u indirizzah b’mod dispreġġjattiv.
Il-Qorti qalet li l-pubblikazzjonijiet ta’ Gaffiero huma libellużi u kkundanat lil Gaffiero jħallas €2,000 f’ danni morali għal malafama.
Ġie spjegat mill-qorti li l-libertà tal-espressjoni ma tistax tkun interpretata bħallikieku tagħti protezzjoni lil min jippubblika bl-addoċċ fuq il-midja soċjali.
Il-każ tmexxa mill-Maġistrat Rachel Montebello.