Noli – Esebizzjoni T’Arti Minn Anabel Cordina Fl-Imqabba
Noli hija t-tema ta’ esebizzjoni t’arti li bħalissa l-artista Anabel Cordina qed tesebixxi ġewwa l-Kamra ta’ Fuq, fl-Imqabba.
Bħall-isem tal-logħba, din l-esebizzjoni hija kollezzjoni ta’ woodcut monoprints fejn l-artista tesplora l-Arti permezz ta’ dan il-proċess. Dan iseħħ meta bħallikieku qiegħda tilgħab il-logħba; biċċa xogħol tgħaddi minn proċess ta’ kxif ta’ dak li hu moħbi u ssir tfittxija għal dak li mhux ovju. Noli hija metafora għal enerġija moħbija li tkun preżenti f’mumenti t’introspettiva f’solitudni, jinħolqu ħsus ġodda sabiex tfittex dak li hemm mistur.
Forom ġodda jfeġġu u b’logħob jitħaltu u jingħaqdu permezz ta’ labirinti ta’ velaturi u strati, sakemm dak li hemm moħbi taħt il-wiċċ iħeġġiġna biex insibu kenn, nitqabdu fina nfusna u nerġgħu nħeġġu dik il-kurżità ġewwinija u l-bżonn għat-tfittxija.
Din il-logħba permezz tal-arti, tkompli bis-saħħa ta’ kull individwu li qiegħed japprezza x-xogħlijiet. Kwalunkwe ħaġa li jiskopri u tifsiriet ġodda li joħloq isiru parti mill-biċċiet t’arti nfushom.
Din l-esebizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-13 ta’ Ġunju.
Għal aktar informazzjoni dwar l-artista fuq Anabel Cordina: https://www.artsweven.com/anabel-cordina-more-info