Proposti Ġodda Mressqa Għal Regolamentazzjoni Usa’ Tal-UE Dwar Ix-Xogħol Ta’ Pjattaformi Diġitali

 Proposti Ġodda Mressqa Għal Regolamentazzjoni Usa’ Tal-UE Dwar Ix-Xogħol Ta’ Pjattaformi Diġitali

RecruitGiant, l-akbar operatur tal-flotot tal-couriers tal-ikel f’Malta, qed imexxi l-isforzi biex jiżgura Direttiva ġdida tal-UE li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol ta’ pjattaformi diġitali twettaq l-għanijiet iddikjarati tagħha.

Fi stqarrija ntqal li d-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema jiksbu l-istatus ta’ impjieg korrett flimkien ma’ aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali u tiżgura l-ġustizzja, it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika fil-kuntest tax-xogħol tal-pjattaforma. Id-Direttiva timmira wkoll li ttejjeb l-infurzar tar-regoli applikabbli għan-nies kollha li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi, inklużi dawk li joperaw bejn il-fruntieri.

Wara diskussjonijiet dwar il-kwistjoni tax-xogħol ta’ pjattaformi diġitali fl-UE ma’ Foresight Centre, think tank indipendenti fil-Parlament Estonjan li għandu l-għan li janalizza żviluppi fit-tul fis-soċjetà, RecruitGiant issa ressqet għadd ta’ suġġerimenti lill-Kumitat tal-Impjiegi u Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew (EMPL). Dawn is-suġġerimenti għandhom l-għan li jiżguraw li jingħalqu ċerti lakuni li jistgħu jirriżultaw f’operaturi li jkomplu jabbużaw mill-impjegati.

Tomas Mikalauskas, il-Kap Eżekuttiv ta’ RecuitGiant, qal, “Bħala konsumaturi, ilkoll ingawdu l-benefiċċji tax-xogħol ta’ pjattaformi diġitali, kemm jekk nordnaw t-take-away favorit tagħna jew li tirkeb f’taxi b’ghafsa ta’ buttuna fuq il-mowbajl. Iżda lkoll nafu wkoll li ħafna min-nies li jipprovdulna dawn is-servizzi qed jiġu sfruttati. Sfortunatament, minkejja li hemm liġijiet u linji gwida eżistenti, l-awtoritajiet Maltin, inkluż id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol u l-Kummissarju għad-Dħul jidhru li ma jridux, jew ma jistgħux, jinfurzawhom. Għalhekk, it-tama tagħna hi li d-Direttiva tal-UE proposta tgħinna nimxu lejn industrija regolata kif suppost u għalhekk qed nieħdu passi proattivi biex inressqu suġġerimenti li nħossu li se jagħmlu d-direttiva aktar b’sahhitha.”

Fost is-suġġerimenti li qed jitressqu lill-EMPL hemm l-idea li l-qafas regolatorju propost fil-livell tal-UE li jkopri x-xogħol fuq pjattaforma diġitali jkopri ambitu usa’ minn dak previst bħalissa biex jiżgura li d-Direttiva taħseb speċifikament għad-definizzjoni ta’ ‘ħin tax-xogħol’. Il-proposti ta’ RecruitGiant jitolbu wkoll li l-ħaddiema tal-pjattaformi jiġu kklassifikati sew b’distinzjonijiet ċari bejn il-ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom (self-employed) u biex jiggarantixxu li l-implimentazzjoni ta’ klassifikazzjonijiet bħal dawn fil-fatt ma toħloqx aktar lakuni għall-operaturi tal-pjattaformi. Barra minn hekk, il-proposti jinkludu enfasi fuq il-garanzija li r-relazzjoni bejn il-pjattaformi diġitali (bħal Bolt u Wolt) u l-flotot mikrija li jużaw tkun wkoll definita u regolata kif suppost u li l-pjattaformi diġitali għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li l-kuntratturi tagħhom u kwalunkwe kuntratturi oħra u operaturi terzi (entitajiet legali) isegwu l-linji gwida u r-regoli regolatorji fil-ġurisdizzjoni li joperaw fiha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com