“Qed Naħdmu Sabiex Pajjiżna Jkompli Jiġbed Investiment Barrani” – Il-Ministru Ian Borg

 “Qed Naħdmu Sabiex Pajjiżna Jkompli Jiġbed Investiment Barrani” – Il-Ministru Ian Borg

“Laqgħat bħal dawn iservu mhux biss bħala opportunità sabiex inkomplu nsaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn pajjiżna u pajjiżi oħra, però aktar minn hekk huma pjattaforma fejn permezz tagħhom nistgħu niddiskutu ma’ pajjiżi oħra dwar x’tista’ toffri Malta lill-investituri privati. Filwaqt li jkollna wkoll l-opportunità li nesperjenzaw, b’mod dirett, ix-xogħol u l-kultura tan-negozju tagħna, u nagħmlu sħubijiet ġodda.” Stqarr dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa li saret ma’ delegazzjoni ta’ kummerċ mit-Tuneżija mmexxija mill-President tal-Konfederazzjoni tal-Intrapriżi taċ-Ċittadini tat-Tuneżija (CONECT), is-Sur Tarek Cherif.

Il-Ministru Ian Borg qal li minkejja l-fatt li l-ekonomija ta’ Malta, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fid-dinja, hija xi ftit fuq skala iżgħar, però hija fost l-aktar li qed tagħmel tkabbir ekonomiku sostanzjali meta mqabbla mal-istess pajjiżi. Huwa semma kif dan il-gvern, minkejja l-pandemija tal-COVID-19, xorta baqa’ wieħed favur in-negozji u l-familji, tant li kien ta’ spalla biex iwiżen lil kulħadd. Dr Borg kompla jgħid kif anke issa fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna, il-gvern Malti wkoll qiegħed jagħti l-assistenza neċessarja lin-negozji.

Il-Ministru sostna kif l-aħħar tbassir tal-Unjoni Ewropea, li kien ippubblikat dan ix-xahar stess, kien jixhed riżultati inkoraġġanti għall-prospetti ekonomiċi ta’ Malta għall-2022. It-tkabbir tal-prodott domestiku gross mistenni jkun ta’ 4.2% meta mqabbel mal-medja ta’ 2.7% tal-Unjoni Ewropea; kważi d-doppju. L-inflazzjoni f’Malta wkoll mistennija tkun ferm inqas miż-żona ewro, b’4.5% meta mqabbla mal-medja taż-żona ewro ta’ 6.1%.

Il-Ministru Borg tenna li l-limitazzjoni ta’ dawn l-impatti fuq il-komunità kummerċjali hija riżultat ta’ diversi inizjattivi u strateġiji ta’ diversifikazzjoni li l-gvern Malti wettaq matul is-snin, u li stabbilixxa diversi setturi b’saħħithom immexxija mill-esportazzjoni.

Min-naħa tagħhom, l-Ambaxxatur tat-Tuneżija għal Malta Yassine El Oued u l-President ta’ CONECT Tarek Cherif, ilkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom tal-ospitalità li dan il-gvern wera ma’ din id-delegazzjoni tal-kummerċ. Huma sostnew kif il-laqgħat li kellhom ma’ numru ta’ aġenziji tal-gvern u anke negozji lokali kienu produttivi ferm u qed iħarsu ’l quddiem biex dawn issa jittrasformaw f’kollaborazzjonijiet li permezz tagħhom ikomplu jtejbu l-qafas tan-negozji li żaru pajjiżna.

Ritratti: MFET

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com