Raġel Arrestat Siegħa U Nofs Biss Wara Li Wettaq Serqa F’Ħanut Fil-Furjana
Raġel ġie arrestat ftit ħin wara li wettaq serqa minn ħanut.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-1:30pm, f’ħanut fi Triq San Tumas, il-Furjana.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel daħal fil-ħanut, ħataf xi flus li kien hemm fuq il-bank tal-ħanut u ħarab minn fuq il-post b’karozza.
Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet fejn ġiet identifikata l-vettura u min seta’ kien qiegħed jagħmel użu minnha. Għalhekk, il-Pulizija tad-Distrett flimkien mar-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija u għall-ħabta tat-3pm, siegħa u nofs biss wara, ġie arrestat raġel fi Triq San Ġużepp il-Belt Valletta.
Ir-raġel kien liebes ħwejjeġ identiċi għal dawk li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà waqt is-serqa.
L-arrestat li għandu 58 sena, qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum għal xi nofsinhar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace.