Rapporti: Il-Vittma Li Nqatel F’Marsalforn Kien Qed Jipprova Jwaqqaf Il-Ġlieda
Fawez Najem huwa ż-żagħżugħ Sirjan ta’ 25 sena li nqatel is-Sibt li għadda filgħaxija f’appartament f’Marsalforn.
Skond diversi rapporti Najem kien qed jipprova jwaqqaf ġlieda li kienet eskalat bejn diversi persuni, imma minflok huwa spiċċa l-vittma b’daqqiet ta’ sikkina li kienu fatali.
Rapporti qed jgħidu li Najem lanqas kien involut f’din il-ġlieda li bdiet f’bar qrib il-Port ta’ Marsalforn nhar is-Sibt filgħodu. Jidher li f’dan il-ħin żewġ gruppi Sirjani spiċċaw jixħtu l-kafè lil xulxin u ġew fl-idejn.
Aktar tard filgħaxija l-qiegħa kompliet tisħon bil-ġlieda kompliet f’appartament fejn Najem safa’ vittma ta’ daqqiet ta’ sikkina. Huwa twassal l-Isptar kważi mejjet minn tliet żgħażagħ Sirjani li ġew arrestati flimkien ma’ oħrajn li kienu fl-appartament.
Waqt din il-ġlieda tal-inqas kien hemm tmien persuni involuti li għandhom bejn 24 u 29 sena u ntużaw diversi oġġetti fosthom, siġġijiet, injam u sikkina.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Għawdex dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.