Rekord Nazzjonali Ġdid Permezz Ta’ Fjakkolata F’Birkirkara

 Rekord Nazzjonali Ġdid Permezz Ta’ Fjakkolata F’Birkirkara

Nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2022 l-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu ta’ Birkirkara waqqfet rekord nazzjonali ġdid. Dan kien jikkonsisti fi fjakkolata f’forma ta’ salib magħmula minn diversi fjakkoli kkuluriti. Kien hemm ‘il fuq minn mitejn u sittin fjakkola.

Dawn inxtegħlu kollha f’daqqa waħda permezz ta’ sistema piroteknika u offrew spettaklu uniku għal kull min attenda għal din l-attività.

Dan l-avveniment inżamm fi Pjazza Sant’Elena hekk kif fl-ewwel jiem ta’ Mejju Birkirkara tiċċelebra l-festa ta’ meta Sant’Elena Imperatriċi Awgusta sabet is-Salib ta’ Kristu magħrufa popolarment fost il-Karkariżi bħala l-festa ta’ Santu Kruċ.

L-Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta’ Awwissu tixtieq tirringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għall-kollaborazzjoni tiegħu u lil kull min għen biex dan l-avveniment seta’ jidħol fil-Malta Records. Fl-aħħar u mhux l-inqas inroddu ħajr lill-poplu Karkariż għall-għajnuna li joffri lill-Għaqda tagħna s-sena kollha sabiex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż tal-programmi tal-logħob tan-nar li l-Għaqda ttellgħa fil-festa ta’ Santu Kruċ f’Mejju u f’dik ta’ Sant’Elena Imperatriċi Awgusta, patruna ta’ Birkirkara, fix-xahar ta’ Awwissu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com