Sant Jappella Lill-Membri Parlamentari Ewropej Biex Jisimgħu Aktar It-Tħassib Taċ-Ċittadini Komuni Ewropej

 Sant Jappella Lill-Membri Parlamentari Ewropej Biex Jisimgħu Aktar It-Tħassib Taċ-Ċittadini Komuni Ewropej

L-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku (S&D) Alfred Sant ivvota kontra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li qed timmira għal reviżjoni tar-regoli tal-elezzjonijiet Ewropej. Waqt li spjega l-pożizzjoni tiegħu lill-plenarja, Sant enfasizza li l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-membri tal-Parlament Ewropew ma jikkonċernawx l-“Ewropizzazzjoni” tal-elezzjoni tagħhom, iżda kif jagħmlu x-xogħol tagħhom aktar relevanti fl-iqsar żmien possibbli biex jisimgħu t-tħassib taċ-ċittadin komuni. Madankollu, din mhix id-direzzjoni li ħadet ir-riżoluzzjoni, saħaq Sant. Huwa wissa li r-riżoluzzjoni dwar il-Liġi Elettorali Ewropea hija eżempju tipiku ta’ għaġġla, forsi bi ħsieb intenzzjonat tajjeb, biex jissewwew l-affarijiet meta ma jitkissrux.

Il-plenarja tal-Parlament Ewropew kienet qed tiddiskuti u tivvota dwar il-ħolqien ta’ kostitwenza elettorali Ewropea li tippermetti li s-27 elezzjoni separata ta’ kull Stat Membru u r-regoli diverġenti tagħhom jinbidel f’elezzjoni Ewropea waħda. Taħt din is-sistema, kull votant ikollu żewġ voti: wieħed biex jeleġġi MPE f’kostitwenzi nazzjonali, u ieħor f’kostitwenza tal-Unjoni Ewropea kollha, magħmul minn 28 siġġu addizzjonali. Proposti oħra jinkludu li d-9 ta’ Mejju jkun il-jum komuni tal-votazzjoni Ewropea, id-dritt li joħorġu għall-elezzjoni l-Ewropej kollha ta’ 18-il sena jew aktar u limitu elettorali minimu ta’ 3.5% biex ikun obbligatorju għal kostitwenzi ta’ 60 siġġu jew aktar.

Il-MPE Laburista rrimarka li l-proposta li jinħolqu listi transnazzjonali hija kostruzzjoni artifiċjali li l-votanti komuni se jsibuha diffiċli biex jifhmu. Sant kritika d-dettalji proposti li saru biex suppost iserrħu moħħ Stati Membri iżgħar u ddeskriviehom bħala grotteski u enfassizza li dawn jirriflettu s-sindromu ta’ dak li jifforma parti ċentrali minn Brussell. Dwar il-proposta li tinħoloq aġenzija elettorali Ewropea ġdida, sostna li dan se jwassal biss għal duplikazzjoni ta’ rwoli u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ bla sens li xorta waħda jkollu jiddependu fuq riżorsi miżmuma fuq livell nazzjonali.

Sant ma qabilx ukoll mal-proposta li xi darba jkun hemm ġurnata stabbilita madwar l-Unjoni Ewropea meta issir il-votazzjoni u dwar il-proposta li jkun hemm il-kandidat tal-partit politiku b’ħafna Membri Parlamentari Ewropej li jkun konformi għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa enfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jżomm biss funzjonijiet konsultattivi u ta’ approvazzjoni fuq il-President tal-Kummissjoni kif maħtur mill-Kunsill Ewropew.

Ir-rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva ġie adottat bi 323 vot favur, 262 kontra, u 48 astensjoni.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com