Sħubiji Strateġiċi Għaż-Żgħażagħ Biex Jitgħallmu Jagħmlu Użu Mit-Teknoloġija
Ġie fi tmiemu l-proġett ‘Empowering the Youth in STEM through the Arts’, li beda f’Ottubru tal-2020, b’fondi ta’ madwar €133,000 mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-programm Erasmus+. F’Malta, dan il-proġett tmexxa miċ-ċentru interattiv xjentifiku, l-Esplora, bil-għan li ż-żgħażagħ jitgħallmu jagħmlu użu mit-teknoloġija f’diversi oqsma, fosthom fl-arti.
Din l-inizjattiva tmexxiet minn tliet ċentri interattivi tax-xjenza fosthom l-Esplora u ċ-ċentri tax-xjenza barranin NEMO Science Centre u CosmoCaixa Barcelona, b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed u ma’ Aġenzija Żgħażagħ li jaħdmu direttament maż-żgħażagħ. B’hekk, seta’ jintlaħaq l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett li jinvolvi lil żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena f’attivitajiet li joffru edukazzjoni informali STEM u li jwasslu iktar għarfien dwar ix-xjenza. It-tema ċentrali kienet it-teknoloġija, inklużi aspetti tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika. Apparti minn hekk, sar ukoll taħriġ minn Inizjamed matul l-attivitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza kemm investimenti bħal dawn isaħħu l-ħiliet u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna. Dawn imbagħad jissarrfu fit-tisħiħ tas-soċjetà tagħna fil-futur.
“Huwa fundamentali li nrawmu liż-żgħażagħ tagħna sabiex jimplimentaw it-teknoloġija f’oqsma differenti, fosthom fl-arti.” Saħaq dwar l-importanza li ninvestu fiż-żgħażagħ għaliex huma parti mis-suċċess tal-futur ta’ pajjiżna. Ikkonkluda li, “Ser nara li f’pajjiżna noffru iktar opportunitajiet bħal din l-inizjattiva biex iz-żgħażagħ tagħna jkunu esposti għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija f’diversi oqsma soċjali.”
Is-Segretajru Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett wera sodisfazzjon li l-fondi Ewropej komplew jintużaw fi proġett bħal dan tal-Erasmus+ biex jinħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni, tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika.
“Iċ-ċentru interattiv tax-xjenza lokali, l-Esplora, jagħmel użu mill-fondi offruti mill-Unjoni Ewropea biex joħloq opportunitajiet li permezz tagħhom ikomplu jinċentivaw proġetti li jsarrfu f’aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ billi jixpruna wkoll l-innovazzjoni”, spjega s-Segretarju Parlamentari Bonett.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal, “Il-viżjoni tagħna għall-Esplora hija li nikkultivaw kultura ta’ kurżità xjentifika u ta’ kreattività. Fil-fatt, din kienet il-prijorità tagħna sa mill-bidu nett, li ngħixu l-missjoni tagħna billi nattiraw viżitaturi minn kull qasam tal-ħajja u ta’ etajiet differenti.” Qal ukoll li, “Apparti li niżviluppaw attivitajiet immirati lejn it-tfal, il-familji u l-pubbliku inġenerali, aħna ingaġġajna b’mod attiv fuq vjaġġ ta’ tagħlim biex nifhmu aħjar il-bżonnijiet u x-xewqat taż-żgħażagħ u flimkien mal-imsieħba tagħna żviluppajna attivitajiet relatati”.
Ritratt: DOI