Skema Ġdida Biex Żgħażagħ B’Diffikultajiet Soċjali Jkunu Integrati Lura Fis-Soċjetà Permezz Tal-Volontarjat

 Skema Ġdida Biex Żgħażagħ B’Diffikultajiet Soċjali Jkunu Integrati Lura Fis-Soċjetà Permezz Tal-Volontarjat

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nedew skema ġdida bl-isem ta’ Youth Engage Scheme, li se tifforma parti mill-Youth Volunteer Scheme.

Din l-iskema mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) flimkien mas-Servizzi taż-Żgħażagħ fi ħdan l-FSWS se toffri esperjenza ta’ xogħol ma’ għaqdiet volontarji lil żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali biex ikunu integrati lura fis-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li din l-iskema ġdida hija inklużjoni fil-prattika u se toffri pjattaforma ugwali fid-dinja tax-xogħol għal dawn iż-żgħażagħ. Il-ministru semmiet li dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jingħataw ukoll stipendju fix-xahar.

Permezz ta’ 6 għaqdiet volontarji, 15-il żagħżugħ ser ikunu megħjuna biex ikunu integrati fis-soċjetà. Il-ministru enfasizzat li din l-iskema hija proċess immirat biex jipprovdi ambjent sigur lill-parteċipanti ħalli jtejbu l-esperjenzi tax-xogħol tagħhom filwaqt li fl-istess waqt jemmnu aktar fihom infushom u fit-talenti tagħhom. Fissret li din l-iskema hija opportunità għal dawn iż-żgħażagħ biex jibdew jifhmu sens ta’ tmexxija kemm fix-xogħol kif ukoll fuq livell personali.

Il-Ministru Farrugia Portelli kkonkludiet li, “Permezz tas-sabiħ tal-volontarjat, dawn iż-żgħażagħ ser ikunu qed joffru l-id tas-solidarjetà, u din l-istess solidarjetà se tkun qed tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà”.

Il-Ministru Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u fissirha bħala tarġa biex tindirizza faxex soċjali li jistgħu jkunu iktar vulnerabbli minn oħrajn.

“Se noffru taħriġ, se nintegraw liż-żgħażagħ u se ngħinuhom jesploraw kwalitajiet pożittivi li kienu moħbija. Nemmnu li jekk nagħtu sens ta’ empowerment u gwida ċara, dawn iż-żgħażagħ kapaċi jiżviluppaw karriera u futur sabiħ”, qal il-Ministru Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo qal li l-għan tal-kunsill kien dejjem li jagħti sostenn lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma tiegħu fil-komunità. Spjega li permezz ta, din l-iskema, “Ser inkunu qed nintegraw, permezz ta’ esperjenza fil-volontarjat, żgħażagħ b’diffikultajiet soċjali sabiex ikunu integrati aħjar fis-soċjetà”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li din l-inizjattiva kienet opportunità għal żgħażagħ li għandhom bosta sfidi biex jemmnu fihom infushom u jaħdmu f’qasam li se jagħtihom il-ħiliet meħtieġa għad-dinja tax-xogħol.

Fi tmiem il-konferenza ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn l-MCVS u l-FSWS li se jara din l-iskema sseħħ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com