Summer Lust – Festival Mużikali Ġewwa Ħal Għaxaq
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, l-Għaxaq Music Events għadhom kemm ħabbru d-dettalji tal-Festival Mużikali Summer Lust li se jittella’ fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Mejju. Għal din is-sena l-Ghaxaq Music Events ser joffru spettaklu mużikali fuq jumejn minflok fuq ġurnata waħda, kif kien isir qabel. Wara n-nuqqas ta’ attivitajiet simili fiż-żminijiet li għaddew, dan il-festival ser ikun qiegħed jiftaħ l-istaġun tas-sajf u proprju minn hemm nibtet l-idea tal-isem għaliex xi ftit jew wisq kulħadd huwa għatxan u ħerqan għal dak kollu li se jġib miegħu s-sajf Malti.
Summer Lust ser ikun qed jippreżenta numru ta’ artisti ta’ fama bl-aqwa talent Malti. L-organizzaturi ħadu ħsieb li jagħtu opportunità lil talent lokali sabiex ikunu parti minn dan il-festival li fl-aħħar ġimgħat ta’ Mejju, matul dawn l-aħħar ghoxrin sena li ilu jsir, dejjem ġibed lejh folol ta’ nies ġewwa Ħal Għaxaq. Summer Lust ser jittella’ fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq li jinsabu eżattament fiċ-ċentru ta’ dan ir-raħal.
Bħalma ġara fis-snin l-imgħoddija, l-organizzaturi ta’ dan il-festival jieħdu ħsieb li jaħsbu f’dawk li ma jistgħux igawdu festivals bħal dawn minħabba diversi nuqqasijiet u joffru għajnuna lil xi għaqdiet filantropiċi. Proprju din is-sena, l-‘Għaxaq Music Events’ ser jerġgħu jaħdmu id f’id ma’ Dar Bjorn li bħalissa għandhom għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-proġett tad-dar il-ġdida mmirata għal dawk il-persuni b’mard newroloġiku.Fl-aħħar sena li sar dan il-festival, lura għall-2019, ġiet ippreżentata s-somma ta’ €18,200 lil Dar Bjorn. Din is-somma sabiħa nġabret mid-donazzjonijiet kollha li ngħataw fil-bieb.
Summer Lust ser jiftaħ is-separju tiegħu nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju bi spettaklu min wahda mill-aqwa artisti Maltin, Ira Losco li tant kisbet suċċessi matul il-karriera tagħha. Ira Losco ser tkun qed tinterpreta diversi siltiet mir-repertorju tagħha li għamluha l-aktar artista femminili ta’ suċċess ġewwa pajjiżna. Flimkien magħha, dawk preżenti ser ikollhom l-opportunità jisimgħu wkoll l-ilħna stupendi ta’ Ryan Hili, Cheryl Balzan, Ceci & Kriss u Justine Shorfid; erba’ artisti maħbuba li ħadu sehem fl-X-Factor ġewwa pajjiżna. L-ispettaklu tal-Ġimgħa ser jagħlaq bid-DJ lokali, Ziggy. Din is-serata ser tkun ippreżentata u animata minn Dj Frank Zammit.
L-għada, is-Sibt 21 ta’ Mejju, ser ikun imiss lill-kantant Malti Ivan Grech jagħti l-kunċert tiegħu quddiem dawk preżenti. Ivan Grech diġà ħa sehem darbtejn f’dan l-ispettaklu flimkien mal-grupp Wintermoods. Kull min jiftakar dawn iż-żewġ kunċerti żgur li jiftakar l-emozzjonijiet li kunċerti bħal dawn iqanqlu f’dawk kollha li jattendu. Flimkien ma’ Ivan, f’din is-serata ser jingħaqdu wkoll La Voix Children’s Choir, Dean Barton, Jimmy Tyrrell, Shauna, Timea Farr u Lisa Gauci. Ħafna minn dawn l-ismijiet huma wkoll popolari u marbuta ma’ X-Factor. L-avveniment tas-Sibt ser jingħalaq minn DJ Tenishia u s-serata ser tkun ippreżentata u animata minn Dj Ryan Spiteri.
Bħal dejjem, dan il-festival ser ikun qed jiġi offrut b’xejn lil kulħadd minħabba li l-interess tal-organizzaturi dejjem kien li jferrħu u joħolqu memorji lil dawk kollha li jattendu. Però, għal dawk li jixtiequ jakkwistaw biljetti VIP, għandhom jagħmlu dan billi jżuru s-sit www.showshappening.com. Iktar informazzjoni għandha tingħata fil-ġimgħat li ġejjin fuq is-sit soċjali Facebook, fil-paġna Għaxaq Music Events. Tajjeb insemmu wkoll li ser ikun hemm żoni apposta għall-parkeġġ u b’hekk dan m’għandux ikun ta’ problema.
Żgur li festival bħal dan mhux ser joffri spettaklu ta’ mużika biss, iżda wkoll spettakli ta’ dawl u effetti oħra li jingħaqdu flimkien biex verament joħolqu serata memorabbli għal dawk kollha li jinġabru flimkien f’dawn l-iljieli maġiċi.
Dan il-festival qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u kif ukoll Festivals Malta.