“Ta’ 92 Sena U 5 Xhur Għadni Qed Niskopri S-Sorpriżi Sbieħ Li L-Ħajja Taf Tagħtik” – Monsinjur Victor Grech

 “Ta’ 92 Sena U 5 Xhur Għadni Qed Niskopri S-Sorpriżi Sbieħ Li L-Ħajja Taf Tagħtik” – Monsinjur Victor Grech

“Il-ħajja skoprejt kemm hi sabiħa u ta’ kuljum napprezza s-sabiħ tagħha. Ta’ 92 sena u 5 xhur għadni qed niskopri s-sorpriżi sbieħ li l-ħajja taf tagħtik.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ Monsinjur Victor Grech f’intervista li għamel mal-paġna The People of Malta fuq il-mezzi soċjali.

Huwa qal li fil-ħajja trid issib il-paċi interna, l-imħabba u l-kompassjoni. “F’dawn it-tlieta qiegħed is-sigriet għal ħajja sabiħa. Meta jkollna l-paċi f’qalbna, il-ħajja narawha ħafna isbaħ,” tenna Monsinjur Victor Grech.

Huwa tkellem dwar l-isfidi li ġie affaċjat bihom f’ħajtu b’mod speċjali meta beda l-Caritas.

“Qabel ma waqqaft il-Caritas, fl-1977, kont naħdem fuq ir-radju nisma’ u niżen dak li jgħidu n-nies. Kelli diġà idea tal-polz tal-poplu Malti. Għadda ż-żmien u l-weġgħat tal-poplu Malti ma nbidlux.”

Monsinjur Victor Grech irrakkonta kif Monsinjur Mercieca kien avviċinah biex ikun id-delegat tal-Caritas. “Niftakarni kont naħdem maż-żgħażagħ u meta ġejt mitlub li nagħmel dan ix-xogħol, kont tlabt min hu interessat li jgħinni u rċevejt mat-300 talba biex ikunu voluntiera.”

“Għamilna żmien twil nisimgħu l-karba tan-nies. L-ewwel bdejna bis-smigħ, tara u tmiss. Imbagħad xammarna l-kmiem.”

Monsinjur Grech jkompli jirrakkonta kif darba rċieva telefonata minn grupp ta’ żgħażagħ minn Tas-Sliema li riedu jkellmuh. “Kienu kollha jieħdu d-droga u talbuni biex nagħmel xi ħaġa. L-ewwel programm li ftaħt kien fl-1985. Sa dak iż-żmien, ma kien hawn xejn f’Malta fejn kienu jagħtu għajnuna lil min hu vvizzjat bid-droga.”

Monsinjur Victor Grech jitkellem ħafna dwar esperjenzi varji li għadda minnhom f’ħajtu, fosthom meta ta’ 85 sena kien tgħallem isajjar.

“Wara li mietet oħti u spiċċajt ngħix waħdi kelli nitgħallem nieħu ħsieb kollox jiena. Insajjar kuljum differenti. Nirrilassa. Sirt inħobb l-arti kulinarja u qatt ma niekol l-istess. Sirt napprezza wkoll s-skiet. Nixtieq li nibqa’ indipendenti. Lil Alla dik biss nitolbu, li ma nkunx ta’ piż fuq ħaddieħor,” temm jgħid Mons. Victor Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com