Titnieda L-Ħames Edizzjoni Ta’ CodeSprintMT – Eżerċizzju Ta’ Rabta Bejn L-Edukazzjoni U L-Industrija

 Titnieda L-Ħames Edizzjoni Ta’ CodeSprintMT – Eżerċizzju Ta’ Rabta Bejn L-Edukazzjoni U L-Industrija

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda l-ħames edizzjoni ta’ CodeSprintMT. CodeSprintMT hija kompetizzjoni indirizzata lejn studenti tat-teknoloġija diġitali u hija wkoll eżerċizzju importanti biex l-edukazzjoni titqarreb dejjem aktar lejn l-industrija u għalhekk eżerċizzju f’oqsma li għandha bżonn l-ekonomija tal-lum.

Il-kompetizzjoni tanalizza l-ħiliet ta’ studenti sekondarji, studenti post-graduate tal-Computing u tat-Teknoloġija tal-Informatika u studenti undergraduate. F’din l-edizzjoni żdiedet ukoll kategorija ġdida għal żviluppaturi stabbiliti tas-software.

Id-dinja li tinsab f’evoluzzjoni industrijali kontinwa u wieħed mis-setturi li huwa fuq quddiem nett huwa t-trasformazzjoni diġitali. Hekk kif l-ekonomiji dinjin qed jinbidlu, qed isiru aktar dipendenti fuq id-dinja diġitali u għalhekk qed jinbtu ta’ kuljum opportunitajiet ġodda fis-suq tal-impjiegi u magħhom il-bżonn ta’ ħaddiema li jkollhom ħiliet ġodda. L-ekonomija diġitali diġà tirrappreżenta 15% tal-persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross dinji, filwaqt li madwar 64% tal-kapijiet eżekuttivi f’intrapriżi jemmnu li t-teknoloġija se tagħmel differenza kbira fil-mod kif se jwettqu ħidmiethom fuq medda tal-ħames snin li ġejjin.

F’dan il-kuntest il-Ministru Clifton Grima qal, “Dan iwassal biex bħala ministeru qed naħdmu ħalli nrawmu studenti, anki minn età żgħira, f’dawn is-suġġetti. Din hija rabta bejn l-edukazzjoni u l-innovazzjoni għal tisħiħ tat-teknoloġija diġitali. Irridu naraw li nkomplu nagħtu l-importanza li hemm bżonn fl-iskejjel tagħna f’tagħlim marbut mar-raba’ revoluzzjoni industrijali: Robotika; Teknoloġija tal-Informatika, System Integration, Augumented Reality, Cybersecurity. Il-qofol ta’ dan kollu huwa wieħed, li jkollna aktar kapital uman li huwa mħarreġ f’dan is-settur.”

Il-ħidma mill-ministeru qed issir b’diversi modi, mhux biss bl-introduzzjoni u bl-użu ta’ għodda diġitali fl-iskejjel, imma wkoll b’mod prattiku. Qed isir xogħol tajjeb ħafna miċ-Ċentru tax-Xjenza, fi ħdan il-ministeru, anki bi sħab ma’ entitajiet privati, fil-każ ta’ CodeSprintMT, ma’ ICE Malta.

Il-Ministru Grima ħeġġeġ biex ikun hemm parteċipazzjoni f’din il-ħames edizzjoni ta’ CodeSprint, li r-reġistrazzjoni għaliha hija miftuħa sal-10 ta’ Ġunju. Il-kompetizzjoni se ssir f’Lulju b’mod virtwali. Fost premjijiet oħra, ir-rebbieħa jingħataw programmi ta’ studju fuq livell internazzjonali.

Indirizzaw ukoll din il-konferenza Keith Vassallo minn ICE Malta, li qed tikkollabora mal-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq dan il-proġett, u Josmar Borg bħala uffiċjal edukattiv mid-direttorat ta’ programmi tat-tagħlim u l-assessjar.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com