Tliet Għalliema Aggrediti Wara Li Marru Jwaqqfu Student Milli Jkompli Jsawwat Student Ieħor
L-Awtoritajiet qed jinvestigaw każ ieħor ta’ aggressjoni minn student ta’ 12-il sena fuq student ieħor u tliet għalliema fl-Iskola Medja tan-Naxxar.
L-għalliema ġew attakkati wara li marru jwaqqfu lill-istudent milli jkompli jsawwat student ieħor bil-konsegwenza tnejn mill-għalliema sofrew xi ġrieħi u għalliema oħra spiċċat bin-nuċċali mkisser.
Fi stqarrija l-MUT qalet li qed issegwi dan il-każ li seħħ nhar il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra u tinsab f’kuntatt mal-edukaturi, it-tmexxija tal-iskola u l-Ministeru.
L-MUT qalet ukoll li hija nfurmata li ittieħdu miżuri b’mod immedjat biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, u dawn kienu jinkludu appoġġ u azzjonijiet dixxiplinarji.
L-MUT temmet tgħid li qed titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jappoġġja lill-iskejjel u lill-edukaturi kollha sabiex tkun indirizzata l-imġiba ħażina u aggressiva minn studenti.
Graham Sansone, Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE ukoll ikkundanna dan il-każ u permezz ta’ filmat fuq il-mezzi soċjali ntqal li l-Unjin mhux ħa tittollera aktar aggressjoni bħal din u lesta tieħu kull azzjoni meħtieġa.