Tnediet Il-Kampanja #ClimateOn Biex Tħeġġeġ Azzjonijiet Favur Ħajja Aktar Sostenibbli
Għat-tieni sena konsekuttiva, qed tiġi varata l-kampanja #ClimateOn biex titrawwem kuxjenza għall-azzjonijiet favur ħajja aktar sostenibbli. L-islogan tal-kampanja ‘Activate Change’ minnu nnifsu jħeġġeġ għall-azzjoni mis-setturi differenti tas-soċjetà. It-temi magħżulin għal din is-sena huma l-użu sostenibbli tal-enerġija, mobilità sostenibbli u finanzjament sostenibbli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat kif din il-kampanja hija pjattaforma li tiffoka fuq l-għarfien u tqajjem kuxjenza sabiex kumpaniji, negozji, familji, żgħażagħ u studenti jadottaw prattiċi favur il-klima.
“Il-Mediterran, b’mod partikolari, huwa żona ta’ riskju għall-impatti kkawżati mit-tibdil fil-klima, inkluż temperaturi ogħla u żieda fil-livell tal-baħar. Azzjoni f’waqtha hija meħtieġa biex innaqqsu u nadattaw għall-impatti li dan il-fenomenu qed iġib miegħu,” spjegat il-Ministru Dalli.
Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea kkommettiet għall-mira ambizzjuża biex kollettivament jitnaqqsu l-emissjonijiet b’55%. Fil-fatt, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq l-qafas legali tal-Fit-for-55 li bih il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea – inkluż Malta – se jaslu għal dawn il-miri.
“Dan huwa mument kruċjali għall-azzjoni f’waqtha, azzjoni li permezz ta’ kampanja edukattiva nimxu mill-kliem għall-fatti. Permezz ta’ skemi, inċentivi u għajnuniet differenti, il-gvern qed jara li ninċentivaw il-bidla. Bl-istess mod, irridu nħeġġu soluzzjonijiet innovattivi li jagħmlu lis-soċjeta tagħna reżiljenti u kapaċi tadatta għal-kundizzjonijiet irriversibbli li qed iġġib miegħu it-tibdil fil-klima,” saħqet il-Ministru Miriam Dalli.
Matul din il-kampanja, qed jiġu mħeġġa inizjattivi u proġetti li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet klimatiċi, permezz ta’ riċerka, innovazzjoni, teknoloġija u żvilupp ta’ metodi ġodda. It-tnaqqis fl-użu tal-fossil fuels u l-emissjonijiet assoċjati magħhom iġib diversi benefiċċji, fosthom inqas tniġġis, inqas theddid għas-saħħa tal-bniedem, inqas impatt fuq l-ambjent u l-qerda tal-bijodiversità, kif ukoll iktar azzjonijiet li jsaħħu s-settur ekonomiku.
Il-kampanja #ClimateOn se tkompli bil-kollaborazjoni ma’ setturi varji, fosthom is-settur pubbliku, is-settur privat, is-settur industrijali, kif ukoll is-settur tal-edukazzjoni.