Tony Sultana Jinħatar Segretarju Permanenti Ewlieni Minflok Mario Cutajar

 Tony Sultana Jinħatar Segretarju Permanenti Ewlieni Minflok Mario Cutajar

Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat in-nomina tas-Sur Tony Sultana bħala Segretarju Permanenti Ewlieni, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fi stqarrija ntqal li n-nomina tas-Sur Sultana tressqet quddiem il-Kabinett tal-Ministri mill-Prim Ministru Robert Abela. Wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, in-nomina ntbagħtet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-approvazzjoni tagħha għaddiet għand il-President tar-Repubblika biex issir il-ħatra.

Din il-ħatra issa tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Ġunju 2022.

Fl-aħħar snin is-Sur Sultana mexxa l-Malta Information and Technology Agency fl-irwol ta’ Chairman Eżekuttiv.

Hu għandu 36 sena esperjenza fis-settur pubbliku u mexxa bidliet importanti biex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku.

Tul is-snin kien fdat bi proġetti maġġuri bħal ma kienu t-tmexxija tal-Euro IT Task Force u sistemi ġodda fis-settur tal-enerġija.

Is-Sur Sultana hu kwalifikat fil-Matematika u l-Computing mill-Università ta’ Malta u fl-immaniġġjar mill-Università ta’ Anglia fir-Renju Unit.

Il-Kabinett tal-Ministri rringrazzja wkoll lis-Sur Mario Cutajar tal-ħidma tiegħu bħala Segretarju Permanenti Ewlieni fl-aħħar snin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com