“Tony Zarb Kien Bniedem Li Ħabb Il-Ħaddiem U Lil Malta Tul Ħajtu Kollha” – Is-Segretarju Ġenerali Tal-GWU Josef Bugeja
Il-General Workers’ Union issellem lil wieħed mit-trejdunjonisti ewlenin ta’ Malta, Tony Zarb, li ħalliena llum fl-età ta’ 68 sena, kif ħabbar proprju ibnu Elton Zarb.
Tony Zarb serva bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union bejn l-1998 u l-2015, u minkejja s-saħħa batuta f’dawn l-aħħar xhur, kien għadu jservi bħala Segretarju tat-taqsima Għaqda tal-Pensjonanti tal-GWU.
“Il-General Workers’ Union issellem lil Tony Zarb, bniedem li dejjem qabeż għaż-żgħir u għall-ħaddiem. Bniedem li se jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu lejn it-trejdjunjoniżmu f’pajjiżna u d-drittijiet tal-ħaddiema. Kondoljanzi lill-familja u t-tieni familja tiegħu magħna fil-GWU. Strieħ fis-sliem.” – ikkummentat il-General Workers’ Union fuq il-mezzi soċjali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li fuq bażi personali jinsab bla kliem u jiddispjaċih għat-telfa ta’ ħabib kbir tiegħu. “Lil Tony Zarb ilni nafu żmien twil. Professjonalment tgħallimt ħafna mingħandu anke dwar negozjati li rajt isiru. Tlift ħabib li trabbejt u kbirt miegħu.”
Bugeja qal li mill-banda l-oħra l-ħaddiema f’Malta tilfu trejdunjonista li ta qalbu għalihom kontinwament. Huwa rrefera wkoll għall-kisbiet li għamlet il-GWU fejn is-Sur Zarb kien fuq quddiem nett biex jara li jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema, anke fi żminijiet diffiċli.
“Ninsabu xxukkjati b’din l-aħbar. Nagħti l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu. Tlifna pilastru fil-GWU. Tony Zarb kien bniedem li ħabb il-ħaddiem u lil Malta tul ħajtu kollha,” temm jgħid is-Sur Bugeja.
Il-Partit Laburista fi stqarrija sellem il-memorja ta’ Tony Zarb, fejn qal li huwa kien “pijunier favur is-soċjaliżmu u l-ħaddiem.”
Il-Partit Laburista ta l-kondoljanzi sinċiera lill-familja kollha tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll sellem il-memorja ta’ Tony Zarb.
Fi stqarrija l-PN qal li Tony Zarb jibqa’ sinonimu mat-trejdunjoniżmu, fejn għal 17-il sena serva bħala segretarju ġenerali tal-General Worker’s Union.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tas-sur Zarb.