“Trid Tingħata Spjegazzjoni Mill-Ministru Tal-Intern U L-Kummissarju Tal-Pulizija” – Il-MP Joe Giglio
“L-aħbar li persuna li fil-konfront tagħha nħarġet mandat ta’ arrest Ewropew toħroġ minn pajjiżna darbtejn qisu ma ġara xejn hija aħbar li tirrabjak u tinkwetak.”
Hekk stqarr il-Kelliem tal-PN għall-Intern Joe Giglio wara l-aħbar li ħarġet dalgħodu mis-‘Sunday Times of Malta’.
Joe Giglio qal li dan ifisser li minkejja l-ħafna kliem sabiħ tal-Gvern is-sistemi ta’ infurzar tal-liġijiet mhux qed jaħdmu kif suppost.
“Dan il-fatt huwa anki ta theddida għas-sigurtà ta’ pajjiżna għax ifisser li nies mfittxija barra minn Malta għal xi reat jistgħu jidħlu u joħorġu bla tfixkil,” saħaq il-Kelliem tal-PN Giglio.
Huwa tenna li għandha tingħata spjegazzjoni kemm mill-Ministru tal-Intern u anke mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan il-każ.
“Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Greco wkoll għandhom għalfejn inisslu għaliex anki hawn nintebħu li minkejja l-kliem sabiħ li nisimgħu huwa ċar li għadna lura ħafna milli nwettqu r-riformi meħtieġa,” temm jgħid Joe Giglio.