Varati Skemi Biex Proġetti Ambjentali Jibbenefikaw Mil-LIFE Programme Tal-Kummissjoni Ewropea

 Varati Skemi Biex Proġetti Ambjentali Jibbenefikaw Mil-LIFE Programme Tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett nedew żewġ skemi minn fondi nazzjonali sabiex għaqdiet volontarji jiġu megħjuna japplikaw għall-proġetti tagħhom taħt il-LIFE Programme.

Il-LIFE Programme huwa fond ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja proġetti li jittrattaw aspetti dwar l-ambjent u l-azzjoni favur il-klima. Matul is-snin, il-LIFE programme ffinanzja bosta proġetti ambjentali ta’ ħidma minn eNGOs u minn organizzazzjonijiet volontarji madwar l-Unjoni Ewropea. L-iskemi li qed jitniedu ser joffru assistenza finanzjarja lill-NGOs li huma interessati jippreżentaw proposti ta’ proġetti msejsa fuq inizjattivi ambjentali.

“Fid-dawl li l-Gvern Malti jirrikonoxxi li l-ħidma ta’ dawn l-organizzazzjonijiet hija indispensabbli, qed jinħarġu dawn iż-żewġ skemi sabiex inkomplu nagħtu kull għajnuna possibbli,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Sa mill-bidu tiegħu, il-LIFE Programme li din is-sena qed jiċċelebra t-30 anniversarju, dejjem kien pjattaforma ta’ promozzjoni lejn proġetti ambjentali. F’Malta, dan il-programm intuża għal diversi proġetti fosthom it-twaqqif tal-ewwel riserva naturali kostali għall-iżvilupp ta’ siti Natura 2000 u għall-protezzjoni ta’ speċi ta’ għasafar selvaġġi.

“L-għan ewlieni ta’ dawn l-iskemi huwa sabiex l-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin jingħataw l-ispinta li jeħtieġu sabiex l-applikazzjoni għall-proposti u għall-ideat tagħhom favur proġetti ambjentali jkunu jistgħu jintlaqgħu kif xieraq,” qalet il-Ministru Dalli.

L-ewwel skema tirrelata mal-possibilità ta’ kofinanzjament ta’ proġetti li jiġu sottomessi għal kunsiderazzjoni taħt il-LIFE Programme. Din l-iskema ser toffri għajnuna finanzjarja lill-NGOs li jixtiequ jwettqu proġetti relatati mal-konservazzjoni tal-ambjent u l-protezzjoni tiegħu. L-għotja għal tali konfinanzjament tista’ tasal sa’ €150,000.

It-tieni skema wkoll tirrelata ma’ finanzjament tal-ispiża li jidħlu għaliha għaqdiet volontarji. Din tirreferi għal persuni esperti li jiġu ingaġġati biex tinkiteb il-proposta ta’ proġett ambjentali li mbagħad jiġi sottomess għal kunsiderazzjoni ta’ finanzjament taħt il-LIFE Programme. L-għotja hija sa massimu ta’ €5,000 għal kull applikazzjoni għall-għaqdiet volontarji reġistrati biex ikunu jistgħu jqabdu servizzi professjonali ta’ kitba ħalli jgħinuhom iwasslu aħjar l-ideat tagħhom.

L-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi se jiġu kkunsidrati fuq prijoritajiet ambjentali identifikati fosthom: il-kejl u l-immaniġġjar ta’ siti Natura 2000; mitigazzjoni u adattament tat-tibdil fil-klima; infrastruttura ekoloġika; effiċjenza fl-enerġija; l-immaniġġjar tal-iskart u/jew skart tal-baħar u l-afforestazzjoni.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com