Bil-Filmat: Iċċelebrat Il-Ġublew Tar-Reġina Eliżabetta F’Malta Wkoll
F’serata pjaċevoli fil-ġonna ta’ Villa De Giorgio f’San Pawl tat-Tarġa fin-Naxxar, illejla ġie ċċelebrat il-Ġublew tal-Platinu ad unur ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni f’għeluq is-70 anniversarju mill-inkoronazzjoni tagħha bħala Reġina.
Għal din l-attività kienu mistiedna bosta nies distinti fosthom il-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu.
F’diskors li għamlet il-Kummissarju Għoli Ngliż, Cathy Ward, semmiet l-għaqda bejn Malta u l-Ingilterra, l-istorja twila ta’ rispett u l-kordjalità li l-Maltin dejjem jilqgħu lill-Ingliżi biha. Semmiet ukoll kif Malta baqgħet il-post favorit mat-turisti Ngliżi anke issa, wara sentejn ta’ pandemija.
Il-President ta’ Malta George Vella faħħar il-kooperazzjoni li dejjem kien hemm bejn iż-żewġ nazzjonijiet.