Cyrus Engerer Iniedi Proġett T’Għajnuna Dwar Is-Saħħa Mentali
Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer dalgħodu nieda proġett diġitali, flimkien mal-organizzazjoni Mental Health Europe, biex tittejjeb l-aċċessibbiltà taċ-ċittadini, għas-servizzi ta’ saħħa mentali fuq pjattaformi diġitali. Il-proġett, li jlaqqa’ sitt imsieħba minn madwar l-Unjoni Ewropea, ser ikun qiegħed iwaqqaf pjattaforma online, b’diversi għodod diġitali, fosthom taħriġ u materjal edukattiv għal persuni li jgħixu f’kommunitajiet rurali u l-gżejjer, għall-użu fl-iskejjel, ċentri taż-żgħażagħ u fuq il-postijiet tax-xogħol.
“L-użu tal-għodda diġitali huwa kruċjali għall-futur tal-kura fis-settur tas-saħħa mentali – kemm permezz ta’ pjattaformi online, tat-telekura jew applikazzjonijet diġitali li jistgħu jgħinu l-benessri ta’ kull persuna. Din hija realtà kemm għal dawk l-individwi li għandom bżonn servizzi ta’ saħħa mentali, kif ukoll għal dawk l-individwi li jridu jkunu ta’ sostenn għall-qraba tagħhom li jkunu qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi”, qal Engerer, bħala wieħed mill-mexxejja tal-Parlament Ewropew għall-koalizzjoni ma’ Mental Health Europe.
Engerer spjega kif persuni li jgħixu f’kommunitajiet rurali u gżejjer żgħar jinsabu f’riskju akbar li jaqgħu f’iżolament u li jbatu minn stigmatizzazzjoni meta kkumparat ma’ dawk li jgħixu f’żoni urbani. Dan filwaqt li diversi studju wrew kif kommunitajiet rurali madwar l-Unjoni Ewropea jsofru minn rata ta’ suwiċidju għola mill-ibliet. Għalkemm Malta hi kkunsidrata bħala żona urbana, r-realtajiet ta’ gżejjer zgħar huma simili ħafna għal dawk taż-żoni rurali u fil-periferija, innota Engerer.
“Is-sens ta’ komunita’ huwa element prominenti kemm fi gżejjer żgħar, kif ukoll f’żoni rurali” spjega Engerer lill-esperti fis-settur tas-saħħa mentali, fosthom rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, li attendew għat-tnedija. “Jingħad illi trid villaġġ (komunita’) biex trabbi wild, iżda jien ngħid ukoll li trid villaġġ (komunita’) biex toħrog individwu mill-inugwaljanza soċjali”, qal Engerer filwaqt illi faħħar is-servizzi Maltin bħala pijunier fil-qasam ta’ programmi bbażati fuq il-kunċett ta’ kura fil-komunita’ fil-qasam tas-saħħa mentali.
“Għandna wkoll similarità oħra, fejn mhux kulħadd iħossu komdu jiftaħ qalbu, u jammetti li għandu bżonn ifittex l-għajnuna, speċjalment fost l-irġiel. Għalhekk nemmen li għandna nibdew nitkellmu fuq il-possibilta’ li kull ħaddiem ikun jista’ jieħu ‘mental health day’ – bl-istess mod bħalli kieku qam ma jiflaħx b’xi riħ jew influwenza, u jieħu ġurnata ‘sick leave,” spjega Engerer. “Irridu nassiguraw li dawn is-servizzi li qiegħdin nipproponu, jkunu aċċessibbli għal kulħadd, u hawnhekk nemmen li d-diġitalizzazzjoni ser tkun t’għajnuna kbira. Għalhekk, jiena kburi li qiegħed inniedi dan il-proġett bi sħab mal-aktar organizzazzjonijiet influwenti fejn tidħol is-saħħa mentali fl-Ewropa.” ikkonkluda Engerer.