€20 Miljun Mill-Pjan Għall-Irkupru U R-Reżiljenza Għal Negozji Favur Enerġija Effiċjenti
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, nieda fondi ta’ €20 miljun immirati biex jgħinu lin-negozji jagħmlu retrofitting b’tali mod li n-negozju tagħhom isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Dawn il-fondi huma parti mill-Pjan tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan il-pjan jidentifika numru ta’ investimenti u riformi li se jkunu ffinanzjati minn fond ta’ €257 miljun allokati għal Malta, €20 miljun minnhom proprju għal din l-iskema.
Din l-iskema ma tinkludix proġetti f’binjiet ġodda jew f’estensjonijiet, iżda rinnovar ta’ binjiet diġà eżistenti. Kull proġett jista’ jingħata sa massimu ta’ miljun ewro.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi ta’ rkupru huma ddisinjati biex ikollhom effett immedjat. Għaldaqstant, bil-għan li jkollna ekonomija aktar reżiljenti, il-proġetti kollha taħt dawn il-fondi jridu jkunu lesti sa Diċembru 2025.
“Sabiex nilħqu din il-mira, irridu naraw li n-negozji tagħna jinvestu aktar fid-diġital kif ukoll joperaw prattiċi aktar ħodor u li jniġġsu anqas. B’hekk inkunu qegħdin nimmassimizzaw ir-riżorsi tagħna, innaqqsu l-ispejjeż operazzjonali tan-negozji u nżidu l-effiċjenza u l-kompetittività,” saħaq il-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri żied jgħid li l-pjan sħiħ ta’ rkupru għal Malta ġie diskuss mal-istakeholders kollha. “Anke fuq din l-iskema partikolari ltqajna mal-istakeholders kollha kemm qabel kif ukoll waqt it-tfassil ta’ din l-miżura sabiex nisimgħu mingħandhom u naraw li dak li ser inħabbru jħalli l-akbar effett possibbli. Issa nħeġġeġ lill-kumpaniji biex jieħdu sehem f’din l-iskema sabiex b’hekk jassiguraw li fil-futur inkunu aktar reżiljenti,” qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li din l-iskema hija mmirata biex il-kumpaniji jwettqu investiment fil-binjiet tagħhom biex isiru aktar kompetittivi u jsiru aktar reżiljenti għall-isfidi tal-futur. Dan billi jsiru aktar effiċjenti u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.
Dr Bonett spjega li l-gvern ikkonsulta mal-imsieħba soċjali sabiex jiġu mfassla l-iskemi li hemm fil-Fond ta’ Rkupru u r-Reżiljenza b’valur ta’ €20 miljun sabiex ikunu tal-aqwa benefiċċju għall-kumpaniji u biex il-gvern jisma’ s-suġġerimenti u l-ideat tal-imsieħba soċjali. Dr Bonett appella lill-kumpaniji biex jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-fondi.
Ritratti (DOI/MEFL)