Engerer Magħżul Imexxi L-Ħidma Tal-Parlament Ewropew Dwar Il-Qafas Legali Tal-Unjoni Ewropea
“Onorat b’din l-ikbar responsabilità li qatt ġejt fdat biha fil-Parlament Ewropew”, qal il-Membru Laburista Cyrus Engerer hekk kif tħabbar li se jokkupa l-inkarigu li jmexxi l-ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea u l-primazija tal-liġi Ewropea.
Permezz ta’ din il-ħidma ta’ Engerer, il-Parlament Ewropew se jkun qiegħed iħares lejn it-tħaddim tal-qafas legali Ewropew u kif dan qiegħed jiġi eżegwit fl-Istati Membri Ewropej, fil-qrati tagħhom u f’relazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
“Din biċċa xogħol kbira ħafna u li għandha impatt fuq kif taħdem l-Unjoni Ewropea”, qal Engerer filwaqt li rrefera għall-ġudizzji tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li sawwru l-prinċipju ta’ primazija tal-liġi Ewropea matul is-snin u li issa jinsab anness f’dikjarazzjoni mat-Trattat ta’ Liżbona, t-trattat li jagħti d-definizzjonijiet ta’ kif tiffunzjonja l-Unjoni Ewropea.
“Il-mod ta’ kif taħdem l-Unjoni Ewropea jibqa’ jevolvi maż-żmien u jirrifletti l-bidliet fl-Istati Membri, pero prinċipju li ma jista’ jinbidel qatt hu dak tal-primazija tal-liġi Ewropea”, ikkonkluda Engerer filwaqt li qal li mingħajr preġudizzju lejn kwalunkwe Stat Membru se jkun qiegħed jara li apparti li jkun hemm stampa ċara ts-sitwazzjoni preżenti, jinħarġu r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’dan ir-rigward.