Erba’ Passiġġieri F’Vann Iweġġgħu F’Inċident Tat-Traffiku Fir-Rabat Għawdex

 Erba’ Passiġġieri F’Vann Iweġġgħu F’Inċident Tat-Traffiku Fir-Rabat Għawdex

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn bowser, misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti San Lawrenz u vann Toyota, misjuq minn raġel ta’ 23 sena residenti Wied il-Għajn.

Konsegwentement, it-Toyota kellu wkoll impatt ma’ vettura u żewġ muturi oħrajn li kienu pparkjati.

Fil-vann, kien hemm ukoll erba’ nisa Ingliżi li l-età tagħhom tvarja bejn 53 u 60 sena. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-passiġġieri l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Aktar tard, waħda ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Iż-żewġ xufiera ma sofrew l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com