Iffirmat Kuntratt Għax-Xiri T’Appartamenti Fil-Qalba Ta’ Londra Minn Puttinu Cares

 Iffirmat Kuntratt Għax-Xiri T’Appartamenti Fil-Qalba Ta’ Londra Minn Puttinu Cares

Dr Lydia Abela attendiet għall-iffirmar li se jwassal biex aktar pazjenti Maltin li jkollhom bżonn il-kura f’Londra jkollhom is-serħan il-moħħ ta’ appartament dinjituż fiċ-ċentru ta’ Londra mingħajr ebda piż finanzjarju.

Il-kuntratt, li ġie ffirmat fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta għar-Renju Unit, issiġġilla x-xiri ta’ 23 appartament li huma ftit minuti ’l bogħod mill-isptar Great Ormond. Proġett ta’ madwar £20 miljun, iffinanzjati mid-donazzjonijiet li nġabru mill-poplu Malti u Għawdxi waqt attivitajiet imtella minn Puttinu Cares, €5 miljun li l-Gvern ta’ Malta ffinanzja mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali flimkien ma’ self b’rata ta’ interessi vantaġġjuża mill-bank BOV biex ikunu koperti l-ispejjeż u jsiru x-xogħlijiet neċċessarji biex jitlesta dan il-proġett.

Dr Lydia Abela stqarret li dan il-proġett huwa ċelebrazzjoni tal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi li flimkien mal-għajnuna mill-Gvern u l-bank BOV se twassal biex aktar familji fil-mument tal-bżonn isibu l-id ta’ għajnuna li jkunu jeħtieġu.

“Il-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad dejjem id f’id fil-mument tal-bżonn. Dan huwa investiment li jmur lil hinn mill-binja nnifisha iżda huwa investiment f’kull familja li tgħix f’pajjiżna li ma tkunx taf jekk hux se tasal jew meta se tasal is-siegħa tal-bżonn tagħha. L-unika ċertezza f’dan kollu hi li, f’dak il-mument, dik il-familja li tant tkun għaddejja minn tbatija se ssib appartament jilqagħha f’Londra li joffrilha l-kumdità neċċessarja mingħajr ebda piż finanzjarju.”

Dr Lydia Abela faħħret l-isforzi kollha li saru matul is-snin minn Puttinu Cares, li mill-jum li twaqqaf fl-2002 ħadem qatigħ biex illum il-Maltin u l-Għawdxin għandhom 20 appartment f’żewġ binjiet oħra f’Sutton u issa b’dan l-iffirmar għandhom binja oħra fiċ-Ċentru ta’ Londra.

“Insellem il-memorja ta’ Dr Victor Calvagna, li ddedika ħajtu għal proġetti bħal dawn u li żgur dan l-iffirmar huwa l-aħjar mod kif niċċelebrawh. L-appell tiegħi jibqa’ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu biex jibqa’ jkun ta’ spalla għal Puttinu Cares kif dejjem ikun hu fl-aktar mument tal-bżonn.”

Il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri qalet li, “Dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ġenerożità kbira tal-poplu Malti u Għawdxi, li fehem it-tbatija kbira li jkunu għaddejja minnha l-pazjenti u l-qraba tagħhom. Li persuna tiġi bżonn il-kura barra minn Malta u ssib appartament jistenniha, tkun qed tittaffa ftit minn din it-tbatija.”

Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares Rennie Zerafa, li spjega li, “Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, nistgħu ngħidu li kkonfermajna l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li, meta xi ħadd ikun fil-bżonn, issibhom dejjem hemm biex ningħaqdu flimkien u nagħtu s-sapport lil xulxin”.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm, fost oħrajn, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit Emmanuel Mallia u l-Perit tal-proġett Ray Demicoli. 

Ritratti: OPM

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com