Il-Korp Tal-Pulizija Jiffirma Ftehim Mal-Kunsill Lokali Ta’ Santa Venera

 Il-Korp Tal-Pulizija Jiffirma Ftehim Mal-Kunsill Lokali Ta’ Santa Venera

Il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera ffirmaw Memorandum of Understanding, li bih il-Kunsill Lokali ffinanzja x-xiri ta’ E-Bike sabiex tintuża mill-Pulizija għall-Komunità f’Santa Venera. Il-ftehim kien iffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Anġelo Gafà għan-nom tal-Korp tal-Pulizija u mis-Sur Stephen Sultana, Sindku ta’ Santa Venera u s-Sur Michael Mifsud, Deputat Segretarju Eżekuttiv, għan-nom tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera.

Il-ftehim kien iffirmat fl-uffiċju tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Santa Venera, fejn fl-aħħar xhur saret manutenzjoni estensiva fil-post u issa reġa’ fetaħ b’dehra ġdida. Dan l-uffiċju se jkun qiegħed iservi bħala hub għall-komunitajiet ta’ Santa Venera u tal-Ħamrun. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dak li beda bħala proġett pilota fl-2019, bl-introduzzjoni tal-Pulizija għall-Komunità fil-Mellieħa, issa nfirex fil-maġġoranza tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Din is-sena, dan is-servizz se jiġi estiż f’aktar lokalitajiet u sal-aħħar tas-sena 2023, se jkopri l-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż. Is-Sur Gafà qal li permezz ta’ dan il-ftehim, waqt li l-Pulizija se tibqa’ tipprovdi servizz professjonali u fdat biex tassigura pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità, il-Kunsilli Lokali qegħdin jifhmu li huma wkoll għandhom irwol importanti li jidentifikaw x’inhuma l-problemi reali fil-lokal. Qal li b’konsultazzjoni bejn il-Pulizija u l-Kunsilli Lokali, dawn il-problemi jistgħu jingħelbu.

Is-Sindku ta’ Santa Venera, is-Sur Stephen Sultana, faħħar ix-xogħol li qiegħed iwettaq it-tim tal-Pulizija għall-Komunità f’Santa Venera u qal li l-preżenza tagħhom qiegħda tinħass. Is-Sur Sultana semma’ kif ir-residenti mhux biss iwaqqfuhom biex jirrapportaw xi ħaġa, iżda wkoll biex jitkellmu magħhom. Huwa qal li l-Kunsill Lokali nvesta fix-xiri ta’ E-Bike għax ħass li dan huwa investiment fis-sod u se jgħin lill-Pulizija għall-Komunità jkunu aktar viżibbli madwar Santa Venera. Qal li l-ħsieb huwa li jibqgħu jsiru laqgħat regolari sabiex il-koperazzjoni li teżisti bejn iż-żewġ partijiet tissaħħaħ. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll id-Deputat Kummissarju, is-Sur Ramon Mercieca, il-konsulent tal-Pulizija għall-Komunità, is-Sur Christopher Bull, kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Santa Venera/Ħamrun.

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com