Il-MPE Alex Agius Saliba Jilħaq Ftehim Dwar Iċ-Ċarġer Komuni
Il-MPE Alex Agius Saliba laħaq ftehim dwar iċ-ċarġer komuni li se jkun qed itemm il-varjeta’ ta’ ċarġers, filwaqt li jżid il-konvenjenza tal-konsumaturi, u jnaqqas b’mod sinifikanti l-iskart ambjentali.
Sal-ħarifa tal-2024, iċ-ċarġer komuni se jsir realtà għall-apparat elettroniku portabbli ta’ daqs żgħir u medju kollu. Dan sar possibbli bis-saħħa tal-isforzi tal-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Alex Agius Saliba, li huwa n-negozjatur tal-Parlament Ewropew u kien ir-riżultat tan-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
“Illum għamilna ċ-ċarġer komuni realtà fl-Ewropa! Stennejna għaxar snin għal din il-proposta, iżda b’mod sorprendenti, aħna ffinalizzajna l-ftehim disa’ xhur biss wara li l-Kummissjoni ressqet il-proposta, “qal il-MPE Alex Agius Saliba.
Barra minn hekk, il-MPE Agius Saliba qal li mhux se jkun hemm aktar frustrazzjoni għall-konsumaturi Ewropej b’ċarġers diversi li jakkumulaw fi djarna. Issa n-nies se jkunu jistgħu jużaw ċarġer wieħed għall-elettronika portabbli kollha tagħhom, li huwa kruċjali biex tiżdied il-konvenjenza u jitnaqqas l-iskart elettroniku.
“Din hija kisba eċċellenti tal-Unjoni Ewropea b’impatt dirett fuq iċ-ċittadini kollha kull fejn jgħixu fl-Unjoni. Il-Ftehim tal-lum qed jemenda d-Direttiva eżistenti dwar it-Tagħmir tar-Radju biex jintroduċi l-USB tat-Tip C sal-ħarifa tal-2024 bħala l-port komuni tal-iċċarġjar għall-mowbajls, it-tablets u l-kameras kollha u sal-2025 għall-laptops.” ikkummenta l-MPE.
Bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew, il-MPE Alex Agius Saliba qal ukoll li huwa kburi li l-kamp ta’ applikazzjoni ġie estiż sabiex ir-regoli taċ-ċarġer komuni jkopru wkoll laptops, e-readers, earbuds, keyboards u mice tal-kompjuter, u tagħmir tan-navigazzjoni portabbli flimkien ma’ smartphones, tablets, kameras diġitali, headphones u headsets, consoles tal-logħob tal-vidjo portabbli u speakers portabbli.
Il-ftehim proviżorju jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-iċċarġjar mingħajr fili li hija l-evoluzzjoni li jmiss fit-teknoloġija tal-iċċarġjar, u dwar informazzjoni u tikkettar aħjar għall-konsumaturi.
“Żidna wkoll dispożizzjonijiet dwar l-iċċarġjar mingħajr fili li huma l-evoluzzjoni li jmiss fit-teknoloġija tal-iċċarġjar u informazzjoni u tikkettar aħjar għall-konsumaturi. Meta wieħed iqis il-ħeffa tal-evoluzzjoni tat-teknoloġija avvanzata, il-Kummissjoni se tevalwa wkoll l-iżviluppi l-ġodda kollha, bħaż-żieda ta’ apparati ġodda fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi kull ftit snin biex tipproponi kwalunkwe bidla jekk ikun meħtieġ.”