“Il-Pjan Li Jissaqqaf It-Teatru Miftuħ Tal-Belt Mhux Soluzzjoni Għall-Artisti” – Il-PN

 “Il-Pjan Li Jissaqqaf It-Teatru Miftuħ Tal-Belt Mhux Soluzzjoni Għall-Artisti” – Il-PN

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li wara li l-Gvern ikkonferma li qiegħed f’taħditiet biex jissaqqaf it-teatru miftuħ fil-Belt Valletta, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi r-raġuni għalfejn ġie deċiż illi jissaqqaf dan it-teatru. Dan għaliex l-uniku skop li dan ser iservi hu biex jelimina l-istorbju tal-madwar u tal-kenn mill-elementi iżda mhux biex jiġu ffaċilitati r-rappreżentazzjonijiet ta’ diversi forom ta’ arti fl-ambitu ta’ struttura li tipprovdi l-aħjar faċilitajiet għall-artisti nfushom. 

“Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’sar minnu l-pjan li jinbena concert hall nazzjonali f’pajjiżna li jipprovdi akustika adekwata u spazji suffiċjenti kemm fuq il-palk u kemm warajh, sabiex ikun jista’ jintuża għal dixxiplini varji u fejn  ma jkunx hemm xkiel għal x’tip ta’ rappreżentazzjoni tkun ser tittella u li tista’ wkoll tilqa’ fiha esebizzjonijiet, konferenzi, akkademija u diversi opportunitajiet oħra. 

Għalhekk, il-pjan li jissaqqaf dan it-teatru ma jistax jitqies bħala pjaċir lill-komunita’ artistika għaliex ser ikun qiegħed sempliċiment isewwi l-pannu bil-qara aħmar. 

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex qabel jitlaq jiġri għal rieħu jisma’ u jikkonsulta sew ma’ kull min jifforma parti mis-settur artistiku u jiftaħ diskussjoni serja, anki jekk hemm bżonn ma’ esperti barranin, sabiex pajjiżna jinvesti bis-serjeta’ f’teatru ta’ kwalita’ superjuri, moderna u maniġġjabbli u li jista’ tassew jaqdi il-bżonnijiet  ta’ kull min jifforma jew ser ikun qiegħed jifforma parti minn dan is-settur”, temmet tgħid l-istqarrija ffirmata minn Julie Zahra, Kelliema għall-Kultura, l-Arti, il-Wirt Nazzjonali u l-Industrija tal-Films.

Ritratt: Pjazza Teatru Rjal/ Facebook

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com