Il-PN Jappella Biex Id-drittijiet Tal-Annimali U L-ħarsien Tagħhom Jittieħdu Bis-Serjetà

 Il-PN Jappella Biex Id-drittijiet Tal-Annimali U L-ħarsien Tagħhom Jittieħdu Bis-Serjetà
Hekk kif ġie rrappurtat fuq il-media soċjali aktar kmieni din il-ġimgħa, grupp ta’ klieb tħallew abbandunati għal xhur sħaħ f’għelieqi fl-inħawi tal-Gudja u kien biss għall-qalb tajba tal-ġirien li dawn baqgħu ħajjin wara li temgħuhom, għal xi raġuni dawn tħallew hemm mingħajr l-ebda kenn, kura jew attenzjoni.
Barra minhekk, l-għalqa spiċċat maħkuma minn nirien kbar iżda b’ xorti tajba, dawn il-klieb kienu rnexxielhom isalvaw.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif inġibdet l-attenzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali iżda, minħabba li dawn il-klieb ma kinux morda, ma nġabrux u tħallew hemm wara li l-istess uffiċjali marru jarawhom u ladarba l-prassi titlob hekk.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jalloka immedjatament aktar riżorsi umani kif ukoll post akbar u aktar approprjat fejn l-annimali li jkunu salvati jkunu jistgħu jinżammu. Mhux aċċettabbli li annimali infestati mill-parassiti jitħallew abbandunati, speċjalment issa fil-qilla tas-Sajf.
Il-Partit Nazzjonalista jfaħħar l-impenn ta’ ħaddiema tal-MSPCA li, mingħajr l-ebda għajnuna mid-Direttorat jew mill-Gvern, ħennew għal dawn il-klieb u salvawhom mill-ġuħ, min-nuqqas ta’ kenn, mill-infestazzjoni tal-parassiti u anke mill-ħruq fl-għalqa. Dawn sabu wkoll żiemel mejjet fil-post u li għadu hemm, issa fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, wara li meta tkellmu mal-awtoritajiet ikkonċernati, ma ngħatawx l-assistenza biex dan iż-żiemel jitneħħa mill-post.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu inaċċettabili u li hemm bżonn immedjat li d-drittijiet tal-annimali u l-ħarsien tagħhom jittieħdu bis-serjetà kif jistħoqqilhom. Il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi għandha għal qalba l-annimali u l-protezzjoni taghhhom u għalhekk, ma jistax ikun li d-Direttorat tal-Annimali jibqa’ daqshekk fqir fir-riżorsi biex ikun jista’ jwettaq xogħolu. Hu ukoll imminenti li l-katavru taż-żiemel jinġabar, anke biex tkun issalvagwardjata l-iġjene tal-madwar.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com