Il-PN Jappella Biex Iż-Żidiet Fil-Prezzijiet Ma Jkunux Piż Żejjed Għar-Raħħala u L-Konsumaturi

 Il-PN Jappella Biex Iż-Żidiet Fil-Prezzijiet Ma Jkunux Piż Żejjed Għar-Raħħala u L-Konsumaturi

Il-PN permezz tal-kelliem għall-agrikoltura u s-sajd Toni Bezzina, jappella għal azzjoni mill-Gvern biex iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ġwież u l-magħlef ma jibqgħux piż żejjed għar-raħħala u l-konsumaturi

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif iż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra mill-MDP għall-prodotti tal-ħalib jirriflettu ż-żidiet sproporzjonati li qed jesperjenzaw ir-raħħala Maltin. Fl-aħħar xhur, affarijiet essenzjali bħall-ġwież u magħlef għat-trobbija tal-annimali li jtuna prodotti li nikkunsmaw għolew drastikament fil-prezz.

Dan hekk kif numru ta’ individwi li jaħdmu f’dan il-qasam raw żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti impurtati minn barra, bħal magħlef u ġwież, b’medja ta’ 50%. Dan ifisser aktar piżijiet fuq ir-raħħala.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jħoss li mhux ġust li l-konsumatur jerfa’ dan il-piż sproporzjonat, aktar u aktar bil-morsa tal-għoli tal-ħajja li qed tagħfas fuq il-familji Maltin.

Hu għalhekk kruċjali li l-Gvern jgħin f’din is-sitwazzjoni u jerfa’ parti mill-piż hu. Kien ikun aktar għaqli li kieku l-Gvern daħal fi ftehim ghall-prezz tax-xiri ta’ ġwież u magħlef stabbli minn barra l-pajjiż.

Ladarba l-Gvern għadu ma daħalx f’tali ftehim, il-Partit Nazzjonalista jappellalu biex jintervjeni billi jagħmel tajjeb mil-lum ‘il quddiem ħalli r-raħħala tagħna u anke l-konsumaturi Maltin u Għawdxin ma jispiċċawx ikollhom jagħmlu tajjeb huma għan-nuqqasijiet tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ mħasseb li dawn iż-żidiet, minbarra li se jkomplu jgħakksu finanzjarjament lir-raħħala u lill-konsumaturi, se jkunu qed ikomplu jxekklu l-kompettitività tal-prodott Malti, li diġà jinsab mhedded minn prodotti impurtati minn barra minn Malta.

Għaldaqstant, biex tassew ikun protett il-prodott lokali filwaqt li jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq ir-raħħala u l-konsumaturi, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa ta’ intervent mill-Gvern illum qabel għada.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com