“Il-PN Jibqa’ Jinsisti Għat-twaqqaf Tas-Sotto-Kumitat Parlamentari Dwar Id-Dijabete, Il-Gvern jibqa’ Jirrifjuta”

 “Il-PN Jibqa’ Jinsisti Għat-twaqqaf Tas-Sotto-Kumitat Parlamentari Dwar Id-Dijabete, Il-Gvern jibqa’ Jirrifjuta”
Fi stqarrija ntqal li minkejja l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista, b’talbiet differenti mid-Deputati Ian Vassallo, Stephen Spiteri, Robert Cutajar u Claudette Buttigieg f’ċirkostanzi differenti, l-Erbgħa li għadda l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela reġa’ rrifjuta li jwaqqaf is-Sotto-Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete.
Intqal li l-aħħar tweġiba negattiva waslet miċ-Chairman tal-Kumitat tas-Saħħa, id-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea, minkejja li l-Parlament diġà għandu esperjenza pożittiva b’dan is-Sotto-Kumitat, li kien twaqqaf formalment bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
Din kienet inizjattiva tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, fl-2014 fejn kien twaqqaf grupp informali li ħadem ħafna bil-parteċipazzjoni tal-membri miż-żewġ naħat tal-Kamra. Din il-ħidma kienet rikonoxxuta fost oħrajn mill-Malta Diabetes Association, mid-Diabetes Global Network u mill-International Diabetes Federation.
Il-Partit Nazzjonalista esprima d-diżappunt tiegħu li, b’din id-deċiżjoni, il-Gvern qed iwarrab il-bżonnijiet ta’ madwar 40,000 persuna li għandhom il-kundizzjoni tad-Dijabete f’Malta u anke lill-familji tagħhom.
“Għaldaqstant, filwaqt li jibqa’ kommess bil-ħidma parlamentari favur persuni bid-dijabete u l-familji tagħhom, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti mal-Gvern fuq it-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari tad-Dijabete’, temmet tgħid l-istqarrija.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com