Il-PN Jifraħ Lill-Kunsill Reġjonali Tal-Lvant Għat-Titlu Tar-Reġjun Ewropew Tal-Isport 2023

 Il-PN Jifraħ Lill-Kunsill Reġjonali Tal-Lvant Għat-Titlu Tar-Reġjun Ewropew Tal-Isport 2023

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant li jumejn ilu rċieva ittra mill-President u Fundatur ta’ ACES Europe, is-Sur Gian Francesco Lupatelli, li tiddikjara uffiċjalment ir-Reġjun tal-Lvant bħala r-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023.

ACES Europe hi assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ibbażata fi Brussell, li tassenja kull sena r-rikonoxximenti tal-Kapitali Dinjija, Kapitali Ewropea, Reġjun, Belt, Gżira, Komunità u Belt tal-Isport. L-allokazzjoni ta’ dawn ir-rikonoxximenti ssir skont il-prinċipji tar-responsabbiltà u l-etika, filwaqt li konxji li l-isport hu fattur ta’ aggregazzjoni tas-soċjetà, titjib fil-kwalità tal-ħajja, benesseri psiko-fiżiku u integrazzjoni sħiħa fi ħdan klassijiet soċjali fil-komunità.

Fl-ittra tiegħu, is-Sur Lupatelli qal li dan ir-reġjun hu tassew eżempju tajjeb tal-isport għal kulħadd bħala strument ta’ saħħa, integrazzjoni, edukazzjoni u rispett, li huma l-għanijiet ewlenin ta’ ACES Europe. Qal ukoll li dan ir-reġjun żviluppa politika sportiva eżemplari b’faċilitajiet sbieħ, programmi u attivitajiet.

Dan ir-rikonoxximent hu tassew unur, mhux biss ghar Regjun tal-Lvant, iżda wkoll għall-pajjiż kollu fejn, apparti li mistenni jattira turiżmu sportiv lejn Malta, mistenni wkoll jippromwovi l-attività fiżika inġenerali f’mument fejn qed niffaċċjaw problema kbira ta’ obeżità f’pajjiżna.

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Graham Bencini – Kelliem għall-Isport u x-Xandir Pubbliku u  Christian Micallef – Chairman ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com