Il-PN Se Jippreżenta Mozzjoni Favur Il-Karatteristiċi Uniċi U R-Residenti Tal-Belt Valletta
Waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li nżammet ilbieraħ filgħaxija ġie deċiż li fil-jiem li ġejjin tiġi ppreżentata Mozzjoni fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista biex l-Avviżi Legali 161 u 163 tal-2022, li għamel il-Gvern, ikunu revokati.
Il-Grupp Parlamentari ddikjara li jemmen li dawn l-Avviżi Legali ma jirrikonoxxux il-karatteristiċi uniċi li għandha l-Belt Valletta bħala l-Kapitali ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qal li hu jemmen li huwa żball li l-mużika tista’ tibqa’ tindaqq sas-1am minflok sal-11pm, kif inhu s’issa.
Dan anke għax dawn l-Avviżi Legali la jirrispettaw id-drittijiet tar-residenti Beltin li jgħixu fil-paċi u lanqas l-investiment li sar fi kwantità ta’ stabbilimenti kummerċjali biex ikun attirat turiżmu ta’ kwalità.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dejjem kien u għadu favur it-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, b’rispett lejn il-karatteristiċi uniċi tagħha. Tant hu hekk li Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor investa l-miljuni fi proġetti ta’ tisbiħ għall-benefiċċju ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u kwalità ta’ xogħol aħjar għall-komunità kummerċjali fil-Belt.
Hu għalhekk li, fil-Mozzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li l-karatteristiċi tal-Belt Valletta għandhom jibqgħu ssalvagwardjati fl-uniċità tagħhom u għalhekk, il-Kapitali ma tistax titqiegħed fl-istess binarju ta’ lokalitajiet oħrajn. Hekk intqal fi stqarrija mill-PN.