Il-PN Sodisfatt Bil-Vot Qawwi Fil-Parlament Ewropew Favur Iċ-Ċittadini Fil-Ġlieda Kontra T-Tibdil Fil-Klima

 Il-PN Sodisfatt Bil-Vot Qawwi Fil-Parlament Ewropew Favur Iċ-Ċittadini Fil-Ġlieda Kontra T-Tibdil Fil-Klima
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa għar-riżultat li kiseb bir-rapport tal-Fond Soċjali Ewropew li ġie approvat b’mod b’saħħtu llum fi Strasburgu. Din hi ġurnata storika hekk kif il-Parlament Ewropew qed jadotta l-pożizzjoni tiegħu għal politika ambizzjuża għat-tibdil fil-klima.
Dak approvat mill-Parlament Ewropew illum hu bażi eċċellenti li biha David Casa se jidħol f’negozjati mal-membri tal-Kunsill tal-Ministri. Iċ-ċittadini Ewropej, inklużi l-Maltin u l-Għawdxin, se jirċievu fondi biex ma jħallu lil ħadd jaqa’ lura bl-ispejjeż eżorbitanti mit-tibdil fil-klima.
Hekk kif madwar id-dinja qed jiġu rreġistrati temperaturi ogħla mill-medja, iċ-ċittadini qed ikollhom jirrikorru għall-użu ta’ aktar enerġija biex ikessħu d-djar tagħhom. Bi flus allokati fil-Fond Soċjali għall-Klima, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqilbu għal appliances b’aktar effiċjenza.
Fid-diskussjoni fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew aktar kmieni dan ix-xahar, l-MEPs mill-gruppi politiċi kollha rringrazzjaw lil David Casa għall-ħidma li għamel fuq il-Fond Soċjali Ewropew. Huma faħħru l-inizjattiva storika li kienet meħtieġa biex il-familji jirċievu l-għajnuna għall-kriżi fl-enerġija.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi biex fil-mument li l-Fond jidħol fis-seħħ, il-Gvern Malti jagħmel dak kollu possibbli biex jinvesti dawn il-flus fiċ-ċittadini, djar, familji, ħaddiema u negozji żgħar Maltin u Għawdxin. B’hekk biss inkunu qed nieħdu l-massimu tad-drittijiet ġodda li David Casa ħadem għalihom fil-Parlament Ewropew
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com