“Il-Poplu Jeħtieġ Trasparenza Dwar Il-Politika Tal-Labour Dwar L-Enerġija” – Il-Partit Nazzjonalista

 “Il-Poplu Jeħtieġ Trasparenza Dwar Il-Politika Tal-Labour Dwar L-Enerġija” – Il-Partit Nazzjonalista
Wara ħafna pressjoni u diversi Mistoqsijiet Parlamentari, illum l-Enemalta ppubblikat il-kontijiet awditjati tas-sena 2020, kważi sena tard. Jidher li l-Enemalta, fl-2020, għamlet telf ta’ kważi €36 miljun. Hekk qalet l-istqarrija li ntbagħtet mill-Partit Nazzjonalista.
“Fil-kontijiet tagħhom stess, il-Bord jgħid li r-raġuni prinċipali għal dan it-telf kienet li għal ftit xhur użaw ħafna anqas l-Interconnector u xtraw iżjed mingħand l-Electrogas u Shanghai Electric minħabba l-inċident fuq l-Interconnector.
Dan jikkonferma dak kollu li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar kif il-Gvern għandu jdejh marbutin u ma jistax jixtri l-enerġija mill-orħos sors kif verament jaqbillu l-poplu.”
Intqal li fil-kummenti tiegħu, il-Bord jikkonferma li l-prezz medju matul l-2020 tal-Interconnector kien €46/MWh jew kważi n-nofs mill- €85/MWh li l-Ministru stess qalet li qed inħallsu lill-Electrogas bħalissa. Mhux ta’ b’xejn li l-Ministru kienet komda tagħti l-prezzijiet tax-xahar li għadda iżda għadha tirrifjuta li tippubblika l-prezzijiet tal-ħames snin li għaddew.
“Fl-istess sena li fiha l-Enemalta għamlet dan it-telf, l-2020, Shanghai Electric irrapportat li għamlet profitt ta’ €15-il miljun mill-impjant tal-BWSC, li kienet xtrat mingħand l-Enemalta u li qed tbigħilna l-elettriku minnu.
Ta’ min jirrimarka l-kunflitti ta’ interess li jeżistu, hekk kif membru tal-Bord tad-Delimara 3, Salvu Sant, kien ukoll membru tal-Bord tal-Enemalta matul dik is-sena, filwaqt li membru ieħor tal-Bord tad-Delimara 3, Song Yu, hu d-Deputy Executive Director Finance and Legal tal-Enemalta. Mill-profitti ta’ Delimara 3, fl-2020, dawn it-tnejn flimkien ma’ żewġ Diretturi oħrajn tħallsu madwar €200,000.
Dan it-telf ġara ħafna qabel iż-żidiet fil-prezzijiet tal-gass jew l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna u jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid dwar il-politika tal-Labour dwar l-Enerġija.
U minkejja dan it-telf kollu, it-tmexxija tal-Enemalta kienet komda tagħti kuntratt ta’ €105,000 lil Monica Farrugia, membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, mingħajr ma ħarġet sejħa.
Fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed jistaqsi wkoll x’kienet ir-raġuni vera tar-riżenja taċ-Chairman tal-Bord seba’ xhur biss wara li ġie appuntat.”
“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li:
– dan is-settur jeħtieġ trasparenza totali biex ikun jista’ jsir ġudizzju dwar ir-riżultat veru tal-politika tal-Partit Laburista dwar l-Enerġija, ‘il bogħod mill-propaganda partiġġjana;
– għandha tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex kulmin kien involut fil-korruzzjoni u wassal għal din is-sitwazzjoni jieħu dak li ħaqqu;
– il-Gvern għandu jikkoreġi minnufih is-serq li qed isir mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, filwaqt li jagħti l-flus lura lil kull min insteraq. M’għandux jibqa’ jkun li l-poplu jħallas għall-irresponsabbiltà u l-inkompetenza tal-Gvern.”
Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Mark Anthony Sammut Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com