Il-President Jiltaqa’ Mal-Ministru Għall-Affarijiet Barranin Libjan, Najla El Mangoush
Il-President George Vella u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan Najla El Mangoush iddiskutew l-aħħar żviluppi fil-Libja , fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Matul l-iskambji, il-President Vella fakkar l-impenn kontinwu ta’ Malta għal pajjiż stabbli li jibni futur demokratiku għall-poplu tiegħu. L-istabbiltà politika attwali hija ta’ tħassib mhux biss għall-poplu Libjan iżda wkoll għar-reġjun b’mod aktar wiesa’. Il-President Vella ħeġġeġ lill-entitajiet u lill-partijiet konċernati kollha biex ifittxu d-djalogu u jsibu soluzzjoni dejjiema għall-kriżi, li ilha għal żmien twil, permezz ta’ elezzjonijiet. Malta, żied jgħid il-President Vella, qatt ma hediet mit-talbiet tagħha lill-komunità internazzjonali biex iżżomm il-Libja bħala prijorità fost kwistjonijiet globali urġenti oħra.
Min-naħa tagħha, il-Ministru El Mangoush tat ħarsa dettaljata tal-avvenimenti li qed jiżvolġu, filwaqt li ddeskriviet is-sitwazzjoni attwali bħala staġnata u xenarju ppolarizzat ħafna. Hija rreferiet għall-pressjonijiet internazzjonali f’direzzjonijiet differenti li ma kienu qed iwasslu għall-ebda stabbiltà. Il-ministru ddikjarat li l-gvern żied l-isforzi tiegħu biex isib mod ta’ rikonċiljazzjoni u bidla għal narrattiva aktar pożittiva iżda dawn għadhom qed jiġu mxekkla. Il-proliferazzjoni tal-forzi ta’ reżistenza għadha qed tagħmel is-sitwazzjoni perikoluża u kumplessa ħafna.
Il-Ministru El Mangoush ferħet lil Malta talli ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u żiedet tgħid li dan ser ikun ta’ benefiċċju kbir biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fil-Mediterran.
Ritratt: OPR