Illum L-Imnarja – Kemm Għadna Niċċelebrawha B’Mod Tradizzjonali?

 Illum L-Imnarja – Kemm Għadna Niċċelebrawha B’Mod Tradizzjonali?

L-Imnarja ġejja minn luminarja; li tfixxer mixgħela. Hemm ukoll l-għajdut fuq il-fomm l-ilsien Malti; L-Imnarja jum il-ħsad għaliex bosta kienu jiġbru l-prodotti tagħhom bħal-lum qabel ma s-sħana tbaskat kull ma ssib.

Hija wkoll il-festa ddedikata lill-martirju ta’ San Pietru u San Pawl jew kif jgħidu fin-Nadur Għawdex; San Pietru Pawl (għax jgħaqqdu liż-żewġ qaddisin flimkien). F’Malta hija tradizzjonalment iċċelebrata fil-Katidral tal-Imdina u f’Għawdex, fin-Nadur.

Kienu jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem fosthom dwieb, żwiemel u ħmir, taħt is-Saqqajja, fit-triq li tagħti lejn is-Siġġiewi. Fi żmien l-Ordni, dawn it-tipi ta’ tiġrijiet kienu fil-fatt isiru f’bosta festi. Xi ħaġa tradizzjonali li narawha wkoll f’bosta lokalitajiet f’Għawdex sal-lum il-ġurnata speċjalment f’Santa Marija.

U ma nistgħux ma nsemmux il-wirja agrarja li bdiet tittella’ fil-Buskett fi żmien il-Gvernatur William Reid. Infatti, l-ewwel waħda saret fid-29 ta’ Ġunju tal-1854 fil-Buskett. B’hekk kienet festa kompluta fejn kien ikun hemm minn kollox; ikel u prodotti tal-bdiewa, u maż-żmien daħlet il-kompetizzjoni u l-wirja kibret ġmielha. Id-daqq tal-kitarri, l-għana sabiħa Maltija, xi kisra ħobż biż-żejt u t-tadam u ħalli lill-Maltin igawdu.

Importanti li d-drawwiet u t-tradizzjonijiet ma nwarrbuhomx. Ħalli nadattaw maż-żmien imma tajjeb li nfakkru l-għeruq tagħna.

Il-festa t-tajba lilkom.

Ritratt: Gozo.news

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com