Imressqa Mozzjoni Għal Emenda Kostituzzjonali Biex L-Arti Tiddaħħal Fil-Kostituzzjoni Ta’ Malta

 Imressqa Mozzjoni Għal Emenda Kostituzzjonali Biex L-Arti  Tiddaħħal Fil-Kostituzzjoni Ta’ Malta

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jemmen li pajjiż san, żviluppat u modern, ma jitkejjilx biss fuq l-iżvilupp ekonomiku tiegħu jew inkella dak soċjali, iżda anki fuq dak kulturali. Il-kultura hi parti fundamentali mill-iżvilupp ta’ kull poplu, mhux l-anqas dak Malti, bħala riflessjoni ħajja tal-komunita’ u kif din iġġib ruħha u tikber flimkien. Hu propju għalhekk li l-kultura hi parti mill-għaqda nazzjonali, u l-iStat għandu l-obbligu li jkompli jsaħħah u jkabbar il-valuri tagħha, għaliex meta l-iStat ikun kapaċi jimmotiva aktar persuni li permezz tal-ħiliet, l-għerf u l-kreattivita’ tagħhom jimirħu f’dan is-settur, jinħolqu aktar opportunitajiet ekonomiċi vitali għat-tkabbir u l-progress ekonomiku tas-soċjeta’ tagħna.

Saħaq li l-arti hi espressjoni waħda tal-kultura u tifforma parti minn patrimonju ta’ esperjenzi personali li jiddefinixxu persuna minn oħra, f’kwalunkwe settur artistiku li jappartjenu għalih. “Iżda dan is-settur qiegħed verament jingħata l-apprezzament u d-dinjita’ li jistħoqqlu jew is-sistema edukattiva stess qed tittratta lil dawn is-suġġetti bħala mhux importanti għaliex biħom ma’ ssir xejn u ma tilħaq imkien, jew inkella mbagħad min jirnexxilu jidħol fih inqisuh li għażel karriera second jew third class bir-riżultat li dawn l-istess persuni iħalli xtutna għaliex isibu li jistgħu jintegraw ruħhom ħafna aħjar barra minn Malta?”

Intqal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li dan is-settur irid jiġi ndirizzat mill-qiegħ nett, biex nibdlu l-ħsieb tagħna f’wieħed fejn tassew inkunu qedgħin inrawmu lit-tfal tagħna biex iħobbu u japprezzaw aktar l-arti u l-kultura, u nimmotivawhom u ngħinuhom bis-sħiħ, għaliex soċjeta’ ħajja hi ħajja grazzi għal kultura u l-arti li jtuna identita’ u huma parti mill-prinċipji fundamentali tagħna.

“U hu propju għalhekk li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni Parlamentari, sabiex kif il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8 li l-Stat għandu jġib il-quddiem l-iżvilupp tal-kultura fost l-oħrajn, dan l-Artiklu jiġi emendat, u miegħu tiżdied ukoll l-arti. B’hekk il-liġi suprema ta’ pajjiżna tagħraf fid-dikjarazzjoni ta’ prinċipji tagħħa li l-iStat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp kemm tal-kultura u kif ukoll l-arti. Dan għandu jkun turija ċara ta’ kemm pajjiżna jirrikonoxxi l-importanza tal-arti, u jagħtiha posta, kif inhu xieraq fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna, u cioe’ il-Kostituzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ifaħħar u jagħti ġieh lil kull min hu artist, taħt kwalunkwe forma jew espressjoni u jittama li din l-emenda kostituzzjonali issib ukoll l-appoġġ tal-Gvern, biex pajjizna jirrikonoxxi li tassew irid jaghti importanza lill-izvilupp ta’ dan is-settur, mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti.”

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Julie Zahra; Kelliema għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura fi ħdan il-PN.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com