In-Newtralità Ta’ Malta Għandha Tkun Rispettata Mill-Istati Membri Ewropej – Alfred Sant

 In-Newtralità Ta’ Malta Għandha Tkun Rispettata Mill-Istati Membri Ewropej – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija (S&D) tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant astjena fil-votazzjoni dwar rapport lill-plenarja tal-parlament dwar il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Huwa rrikonoxxa li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna xprunat passi lejn aktar għaqda Ewropea, b’mod partikolari fejn jidħlu kwistjonijiet bħal l-indipendenza tal-enerġija u l-awtonomija strateġika. Għalhekk, Sant irrimarka li sar progress lejn l-iżvilupp ta’ politika barranija komuni flimkien ma’ aġenda ta’ difiża u militari komuni. Ir-riskju hu li dawn jittrasformaw l-Unjoni Ewropea f’alleanza militari f’daqqa u bla mistenni.

L-eks Prim Ministru Sant saħaq li s-sovranità ta’ pajjiżi Ewropej bħal Malta li l-interessi ewlenin tagħhom tas-sigurtà mhumiex allinjati ma’ dawk ta’ Stati Membri akbar “komuni” mhux qed tiġi kkunsidrata. Id-dilemma tagħhom bħala newtrali qed tiġi injorata minn dawk li qed ifasslu r-rapport. Il-MPE Laburista staqsa kif in-newtralità ta’ Stat Membru tidħol f’arkitettura komuni Ewropea ta’ sigurtà u difiża.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) adotta r-rapport b’rakkomandazzjonijiet dwar il-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Ir-rapport jappella biex jitħaffef ix-xogħol fil-politika barranija u l-kooperazzjoni tad-difiża fil-livell Ewropew filwaqt li jgħolli l-livell biex tinbena unjoni tad-difiża b’għanijiet aktar ambizzjużi, f’konformità mal-istrateġija tal-Boxxla Strateġika tal-Unjoni Ewropea.

Sant esprima wkoll in-nuqqas ta’ qbil mal-kunċett li kien inkluż fir-rapport li jiddaħħal il-prinċipju tal-estensjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. “It-tali estensjoni tistabbilixxi l-bażi għal kontestazzjoni tal-approċċi tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi li dawn jiksru s-sovranità nazzjonali. Il-konsistenza ta’ kwalunkwe approċċ ta’ politika barranija tal-Unjoni Ewropea b’hekk tiġi mminata”, huwa saħaq.

Ir-rapport ġie adottat b’438 vot favur, 65 kontra u 94 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com