Inawgurat L-Uffiċċju Tal-Pulizija Tal-Komunita’ f’Marsaxlokk

 Inawgurat L-Uffiċċju Tal-Pulizija Tal-Komunita’ f’Marsaxlokk

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, flimkien mal Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, inawgura l-uffiċċju tal-community policing f’Marsaxlokk.


F’diskors li għamel, il-Ministru Camilleri qal li s-sigurtà tan-nies, tal-familji, kienet u se tibqa’ prijorità għal dan il-gvern. “Kif diġà bdejna nagħmlu tul il-leġislatura li għaddiet, qed naraw li nressqu l-Korp tal-Pulizija dejjem qrib tal-komunità. Dan tal-lum fil-fatt huwa pass eqreb lejn il-missjoni tagħna li sal-aħħar tas-sena d-dieħla kull komunità f’Malta jkollha l-uffiċjali tal-komunità tagħha, u li jkollha dan fl-aħjar ambjent possibbli,” tenna l-Ministru Camilleri.

 Il-Ministru għall-Intern sostna li d-deċiżjoni li kienu ħadu sabiex iqarrbu l-korp tal-Pulizija fil-qlub tal-irħula Maltin u Għawdxin qed tħalli r-rizultat mistenni u mixtieq, fejn fakkar f’numru ta’ episodji fejn il-community police kienu deċiżivi sabiex jgħinu u jassistu. Fl-aħħarnett il-Ministru Byron Camilleri tenna li qegħdin ftit jiem ’il bogħod mill-‘Ġimgħa tal-Pulizija’, fejn inkomplu nirrikonoxxu l-irwol kruċjali li l-Korp tal-Pulizija għandu fil-ħajja tagħna. Huwa rringrazzja lil kull membru tal-Korp, mill-kbir saż-żgħir, tal-ħidma, l-impenn u l-lealtà tagħhom lejn in-nies u l-pajjiż.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija qal li qed jikkommemoraw l-espansjoni tal-kunċett tal-Pulizija tal-komunita’ filwaqt li juru l-ħidma li qed issir biex jitejjeb l-ambjent li joperaw fih. Sostna li dan qed isir kemm għall-benefiċċju tal-pulizija kif ukoll taċ-ċittadini li jużaw is-servizzi tagħhom.

Fl-2019 tellaqna proġett pilota li r-riżultat tiegħu uriena li l-pubbliku għatxan għal dan il-kunċett. Illum 75% ta’ Malta hija koperta mis-servizz tal-community policing u sal-aħħar tas-sena 2023 is-servizz se jiġi estiż mal-pajjiż kollu,” tenna l-Kummissarju Gafà filwaqt li stqarr li l-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju huwa turija li mhux talli mhux qegħdin jingħalqu l-għases, iżda wħud li qabel qajla kienu jinfetħu, qed jiġu kkonvertiti f’uffiċini moderni u aċċessibbli.

L-uffiċċju li ġie inawgurat huwa propjretà tal-pulizija hekk kif is-sit ġie mixtri. Qabel, l-għassa tal-pulizija kienet żewġ bibien ’il fuq, liema għassa kienet mikrija mill-privat u ma kelliex ir-rekwiżti kollha meħtieġa biex topera fiż-żmien tal-lum, fosthom nuqqas ta’ aċċessibilità għal kulħadd.

B’din il-binja, il-Korp tal-Pulizija investa fi spażju ulterjuri, mibni kompletament ġdid, biex iservi bħala uffiċċju għall-community policing. Dan l-uffiċċju jgawdi minn kmamar bi spażju adegwat sabiex l-uffiċjali tal-komunità jkunu jistgħu joperaw b’mod komdu, u fuq kollox dan l-uffiċċju huwa aċċessibbli għal kulħadd. L-investiment tal-lum jaqbeż il-€100,000.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com