Inawgurat Servizz Tal-Videofluoroscopy F’San Vinċenz De Paule – Parti Minn Investiment Ta’ Miljun U Nofs Ewro

 Inawgurat Servizz Tal-Videofluoroscopy F’San Vinċenz De Paule – Parti Minn Investiment Ta’ Miljun U Nofs Ewro

Il-videfluoroscopy service li ġie inawgurat illum mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, huwa parti mill-investiment ta’ miljun u nofs ewro li sar fid-Digital Imaging Unit ta’ San Vinċenz fil-Geriatric Day Hospital.

Il-Ministru Abela saħaq li permezz ta’ dan l-investiment se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Dan huwa servizz ġdid bl-aqwa teknoloġija, li jikkumplimenta għadd ta’ servizzi oħrajn li jingħataw f’San Vinċenz. Minnu se jibbenefikaw mhux biss ir-residenti f’San Vinċenz de Paul, imma wkoll anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani u dawk li għadhom jgħixu fil-komunità.

Ġie spjegat li l-Videofluoroscopy huwa X-ray kontinwu ta’ kif persuna tibla. Waqt dan l-eżami persuna tintalab tiekol u tixrob varjetà ta’ ikel u xorb, skont l-abbiltajiet tal-persuna, hekk kif identifikati mill-iSpeech Language Pathologist u jinħareġ pjan ta’ kif jitnaqqsu r-riskji fuq is-saħħa assoċjati mad-diffikultajiet biex wieħed jibla. Is-servizz jintuża minn persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet newroloġiċi bħall-puplesija, Parkinson u Dimensja li jista’ jkollhom problemi biex jibilgħu l-ikel u l-problemi jkunu ta’ livelli differenti ta’ severità.

Il-magni tal-X ray inxtraw apposta biex ikunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ radjazzjoni u kompletament diġitali. Dan is-servizz sal-lum kien jingħata biss f’Mater Dei. Grazzi għal dan il-pass li ġie mniedi llum, mijiet ta’ anzjani mhux se jkollhom għalfejn jirrikorru l-Isptar Mater Dei biex jirċievu s-servizz u dan se jkun qed iwassal biex titnaqqas il-lista ta’ stennija.

“Qed inkomplu nuru l-impenn kbir li għandna fil-qasam tal-anzjani. Il-mira tagħna hi li ntejbu s-servizzi kontinwament, favur iċ-ċittadin anzjan li jiġi bżonnhom,” ikkonkluda l-Ministru Jo Etienne Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com