Is-Sigurtà f’Għawdex – Mill-Onorevoli Alex Borg

 Is-Sigurtà f’Għawdex – Mill-Onorevoli Alex Borg

Kull tant u tant, fid-dibattitu popolari tqum il-kwistjoni tas-sigurtà f’Għawdex, l-aktar meta nisimgħu b’xi incident ikrah, kif kellna ftit ġranet ilu. Imma s-sigurtà f’Għawdex mhix xi ħaġa li tkun importanti meta jonfoħ riħ fuq, u ma tibqax importanti meta jdur ir-riħ. Is-sigurtà hija importanti dejjem, u n-nuqqas tagħha f’Għawdex hija xi ħaġa serja ta’ kuljum – sew meta nitkellmu dwarha u sew meta ma nitkellmux.

In-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex mhux tant ġej mill-uffiċjali li ma jaqdux dmirhom tajjeb, imma aktar minn min hu responsabbli li jalloka r-riżorsi umani u finanzjarji.

Nitkellmu mir-riżorsi umani tal-pulizija f’Għawdex. In-nuqqas ta’ pulizija f’Għawdex ilu jinħass. Għawdex mhux distrett wieħed bħall-bqija tad-distretti ta’ Malta, iżda huwa bħal Malta sħiħa, anki jekk f’minjatura. F’Malta taf issib ċerti bżonnijiet f’distrett li ma ssibhomx f’ieħor. F’Għawdex, li huwa distrett wieħed, għandek iċ-ċans li ssib il-bżonnijiet kollha tad-distretti kollha ta’ Malta. Resqin lejn l-istaġun tas-sajf, fejn il-popolazzjoni ta’ Għawdex nafu li aktar milli tirdoppja; fejn l-attivitajiet tal-pubbliku bħal festi u affarijiet oħra, jiżdiedu u bir-raġun. U r-riżorsi umani tal-pulizija jibqgħu dawk li huma. X’sejrin nagħmlu? Se nkomplu nagħsru lir-riżorsi tal-pulizija? Jew se nkomplu ngħidu liċ-ċittadin: “Skużana m’hawnx biex naħdmu?”

In-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex ġej ukoll mill-fatt li l-popolazzjoni ta’ Għawdex inbidlet imma l-mekkaniżmi tal-istat ma nbidlux, jew kienu wisq tardivi biex bdew jinbidlu. Marsalforn u x-Xlendi saru fenomeni bil-bidla multikulturali. Bl-ebda mod ma rrid nagħti l-impressjoni li l-multikulturaliżmu huwa ħażin, jew huwa xi pjaga. Imma bħalma s-sitwazzjoni soċjali ġdida wasslet lill-awtoritajiet biex f’Marsalforn iwasslu s-servizzi soċjali eqreb għax hekk hemm bżonn, għaliex fuq dik li hija sigurtà ta’ pulizija għadna nkaxkru saqajna, b’għases magħluqa jew mimlija bi preżenza miżera u minima ta’ pulizija? Meta l-esperjenza turina li f’każi ta’ ġlied, ġeneralment dawk involuti jkunu f’ammonti konsiderevoli, għaliex insibu għassa tal-pulizija f’Marsalforn b’pulizija wieħed jew tnejn biss? Min qatt jista’ jippretendi li pulizija waħdu jwaqqaf ġlieda u jipproteġi lill-ġirien?

Il-Port tal-Imġarr, dak li għalina huwa x-Xatt, illum il-ġurnata sar qisu ‘mini-paceville’, fejn rajna żieda kbira fl-ammont ta’ stabbilimenti tad-divertiment. Huwa tajjeb li jkun hawn influss ta’ stabbilimenti bħal dawn, sabiex iż-żgħażagħ tagħna jsibu fejn joħorġu, però biex it-tajjeb jibqa’ tajjeb, hemm bżonn ta’ preżenza aktar sħiħa ta’ pulizija anke ġewwa x-Xatt. Tgħiduli “Mela kull fejn toħlom, trid tibgħat pulizija?” Li tibgħat aktar pulizija f’dawn l-ambjenti fih prezz. Li ma tibgħatx, fih ukoll! Issa skont liema prezz aħna l-aktar lesti li nħallsu.

L-istess japplika għal Kemmuna li, fis-sajf, kellha għassa miftuħa 24 siegħa kuljum. Din is-sena smajna li se tiftaħ mid-9am sat-8.30pm. U wara t-8.30pm fi staġun ta’ BBQs, parties, divertiment u rikreazzjoni?

Dawn huma affarijiet li wieħed għadu biċ-ċans li jindirizzahom. L-ideali kien ikun kieku m’hemmx bżonn li jitkellem dwarhom Deputat fl-Oppożizzjoni. Imma jekk ħadd mhu se jindirizzahom, hemm bżonn li nitkellmu dwarhom għax xħin nitkellmu tard, ikun tard wisq.

Dan biex ma nsemmux il-bżonn kbir għal titjib ġenerali tal-kundizzjonijiet tal-pulizija – speċjalment il-pagi – biex nattiraw aktar nies, u aktar nies b’aktar ħiliet, li jagħżlu din il-karriera. Għax fin-nuqqas ta’ riżorsi umani, nafu min qiegħed ibati; iċ-ċittadin, li f’daru jew fi triqtu, mhux biex inkunu sensazzjonali, imma rridu ngħidu li mhux dejjem qed ikun protett jew sikur kif għandu jkun.

 

(Din l-opinjoni nkitbet mill-Onor. Alex Borg – Kelliem għal Għawdex f’isem il-Partit Nazzjonalista)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com