Jinħarġu Akkużi Fil-Konfront Ta’ Żewġ Uffiċjali Tal-Pulizija

 Jinħarġu Akkużi Fil-Konfront Ta’ Żewġ Uffiċjali Tal-Pulizija

Din l-Istqarrija Stampa qiegħda tiġi kkomunikata bħala aġġornament għall-Istqarrija Stampa PR 349/20 (ara isfel) maħruġa fl-24 ta’ Ġunju, 2020.

Wara li ġew konklużi l-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ, żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġew sospiżi u nħarġu akkużi kriminali fil-konfront tagħhom, permezz ta’ ċitazzjoni.

Il-kawża se tibda tinstema’ fil-jiem illi ġejjin quddiem il-Maġistrat Dr Doreen Clarke.

F’dan l-istadju, ma jkunx prudenti li l-Korp tal-Pulizija jagħti iżjed kummenti dwar dan il-każ u dan sabiex ma jippreġudikax il-kors tal-ġustizzja.

 

 

L-istqarrija msemmija

Illum, għall-ħabta tal-erbgħa nieqes għoxrin ta’ filgħodu, (0340hrs), il-Pulizija stazzjonati fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, innutaw li persuna li kienet qed tinżamm hemmhekk kellu bżonn l-assistenza medika, peress li prima facie deher li kien qiegħed ibati minn ‘fit’.

Minnufih bdiet tingħata l-assistenza medika u anke intużat AED, filwaqt li ssejjaħ tim mediku fuq il-post. Mal-wasla tat-tim mediku, dawn komplew jassistu lil din il-persuna,

iżda minkejja kull tentattiv, ir-raġel ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa, sfortunatament tilef ħajtu.

Ir-raġel kien twaqqaf aktar kmieni għall-ħabta tan-nofssiegħa ta’ filgħodu (0030hrs), minn żewġ units tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqfuh, saritlu tfittxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com