Jirritorna l-Mediterranean Tourism Forum F’Malta

 Jirritorna l-Mediterranean Tourism Forum F’Malta

Fl-14 ta’ Ġunju, Malta se terġa’ tospita l-Mediterranean Tourism Forum, konferenza internazzjonali li se tkun qiegħda tlaqqa’ 1,000 delegat minn 28 pajjiż differenti biex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem għas-settur turistiku Mediterranju fid-dawl tal-isfidi globali riċenti li jinkludu l-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, it-tibdil fil-klima, u l-inflazzjoni.

It-tema magħżula għal dan l-avveniment, “The Mediterranean Brain”, se titratta wkoll numru ta’ metodi ġodda dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi Mediterranji fis-settur turistiku.

L-ospitalità ta’ dan il-forum mistennija tiġġenera 800 bed nights mifruxa fuq ħames lukandi lokali.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltijà għat-Turiżmu Carlo Micallef, is-Segretarju Ġenerali tal-Mediterranean Tourism Forum Andrew Agius Muscat, u l-Kap għall-Innovazzjoni tal-Università ta’ Cornell Jill Hillman.

Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq dwar kif dan il-forum se jpoġġi lil Malta fuq pjattaforma internazzjonali li permezz tagħha jistgħu jiġu stabbiliti għanijiet komuni dwar il-potenzjal li l-Mediterran ikun reġjun iżjed attraenti għall-viżitaturi internazzjonali.

“Avvenimenti bħal dawn isaħħu l-prospetti tagħna li nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza turistika fil-Mediterran. Bħala pajjiż irridu nkomplu naħdmu biex noffru servizz tal-ogħla livell possibbli għal min jara lill-Gżejjer Maltin bħala opportunità ta’ djalogu u inkubatur ta’ innovazzjoni globali”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef qal li din il-konferenza ser tkun kontributur importanti għall-prospettivi tal-istaġjun sajfi. “L-indikaturi qegħdin juruna li matul ix-xhur li ġejjin pajjiżna ser jissokta bl-irkupru tant bżonnjuż għall-qasam turistiku. Konferenzi ta’ din l-għamla huma kruċjali biex Malta tkompli tattira turiżmu ta’ kwalità li permezz tiegħu l-esperjenza inġenerali tkun waħda pożittiva”, temm jgħid is-Sur Micallef.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com