Malta B’Wirja Eċċellenti Fil-Kampjonati Tal-Atletika Għall-Pajjiżi Ż-Żgħar Tal-Ewropa

 Malta B’Wirja Eċċellenti Fil-Kampjonati Tal-Atletika Għall-Pajjiżi Ż-Żgħar Tal-Ewropa

Malta ġiet fit-tieni post overall minn 16-il pajjiż fil-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika li fih ipparteċipaw 350 atleta u uffiċjali minn 17-il pajjiż, flimkien mal-kontinġent Malti. Malta rnexxielha wkoll tirbaħ għadd ta’ medalji, bl-atleti Claire Azzopardi u Janet Richard jirbħu medalja tad-deheb; Daniel Saliba u Beppe Grillo, medalji tal-fidda; u Peppijna Dalli, Charlotte Wingfield, Dillon Cassar u Roberta Schembri, medalji tal-bronż fid-dixxiplini tal-atletika li pparteċipaw fihom.

It-tim tar-relay tan-nisa wkoll ġie fl-ewwel post, bl-atleti Claire Azzopardi, Carla Scicluna, Charlotte Wingfield u Janet Richard jirbħu l-medalja tad-deheb, filwaqt li t-tim tar-relay tal-irġiel ġew fit-tieni post u għalhekk l-atleti Steve Camilleri, Beppe Grillo, Matthew Galea Soler u Ben Micallef jirbħu l-medalja tal-fidda.

Minbarra l-atleti u d-delegazzjonijiet li qed jakkumpanjawhom, għall-Kampjonat kien hawn f’pajjiżna delegati internazzonali ta’ livell għoli fosthom: Dobromir Karamarinov (President ta’ European Athletics), Libor Varhanik u Jean Garcia (Viċi Presidenti ta’ European Athletics), Dimakos Panagiotis (Membru tal-Kunsill ta’ European Athletics), u Frank Carreras (President tal-Athletics Association of Small States of Europe – AASSE).

Il-Kampjonat sar il-bieraħ f’faċilitajiet ġodda u modernizzati fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa. Fil-preżent, għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ mmodernizzar infrastrutturali tal-Istadium, li qed isir b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun finanzjati minn SportMalta. “Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru għall-isport, pajjiż li jilqa’ fih kampjonati Ewropej u Internazzjonali f’faċilitajiet moderni u ta’ livell internazzjonali”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-ftuħ tal-kampjonat. Huwa awgura lill-atleti kollha b’mod speċjali lill-kontinġent Malti. “Żommu l-bandiera Maltija quddiem għajnejkom biex tkomplu tagħmlu unur lil pajjiżna”, qal il-Ministru Grima.

Fil-ftuħ tal-kampjonat, is-Segretarju-Ġenerali ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar tkellem dwar l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment ta’ kalibru li kienet waħda mill-akbar sfidi li ħadet f’idejha Athletics Malta fl-istorja tagħha. “L-Assoċjazzjoni ilha sentejn taħdem kemm fuq l-aspett loġistiku iżda wkoll fuq dak sportiv biex niżguraw tim mill-aktar kompetittiv għal pajjiżna. Nemmnu li dawn l-isforzi se jikkontribwixxu għal avveniment ta’ suċċess”, qal Cassar.

F’kumment wara li ntemm il-Kampjonat, il-Ministru Grima feraħ lill-atleti li spiċċaw fl-ewwel postijiet u wkoll lil dawk kollha li ħadu sehem.

CSSE 2022 u t-Tim Nazzjonali Malti huma appoġġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Eurosport, Medcomms Ltd., Big Mat, Salini Resort u Corporate ID Group.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com