“Nisa Laburisti Għandha Tibqa’ L-Fergħa Li Tixpruna ‘L Quddiem Ideat Favur Bidla F’Pajjiżna…”

 “Nisa Laburisti Għandha Tibqa’ L-Fergħa Li Tixpruna ‘L Quddiem Ideat Favur Bidla F’Pajjiżna…”

“Nisa Laburisti għandha tibqa’ l-fergħa li tixpruna ‘l quddiem ideat favur il-bidla f’pajjiżna sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-katalista tal-progress.”

Hekk saħqet il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Alamango waqt li kienet qed tindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Nisa Laburisti bit-tema ‘Tisħiħ Legali: L-Qorti tal-Familja’, li tlaqqgħet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun.

Nikita Alamango tkellmet dwar il-ħidma li wettqet Nisa Laburisti matul ix-xhur li għaddew b’mod partikolari waqt is-sena tal-elezzjoni ġenerali fejn saħqet li tinsab onorata li bosta ideat u proposti li ħarġu minn din il-fergħa sabu posthom fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista u fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern, diġa’ bdew jitwettqu. Ewlenija fosthom hemm l-emendi fil-liġi tal-IVF li dwarhom Nisa Laburisti ħadmet ħafna fix-xhur li għaddew u li issa mistennija jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej.

Alamango għamlet referenza għall-każ ta’ Andrea Prudente u saħqet li f’każijiet fejn ir-rizultati xjentifiċi u mediċi juru li t-tqala ma tibqax vijabbli, it-tobba m’għandux ikollhom idejhom marbutin milli jieħdu deċiżjonijiet fl-aqwa interess tal-omm qabel ħajjitha tkun f’periklu, u dan minħabba l-karenza ta’ legislazzjoni adegwata. Għaldaqstant, hija sostniet ukoll kif l-Istat għandu jiddiskuti bis-serjetà din ir-realtà sabiex titnaqqas it-trawma psikoloġika, emozzjonali u l-ħsara fiżika li sitwazzjonijiet bħal dawn iħallu fuq l-omm u fuq il-koppja.

Nikita Alamango temmet id-diskors tagħha billi ferħet lill-membri ġodda tal-Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti li nħatru matul din il-laqgħa filwaqt li rringrazzjat lill-membri uxxenti u li wħud minnhom issa qegħdin jaqdu dmirhom fil-Parlament.

Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Partit Laburista, Dr Ramona Attard, li saħqet li Nisa Laburisti għandha tibqa’ l-vuċi liberali tal-Partit Laburista filwaqt li faħret il-ħidma importanti li qed issir minn din il-fergħa u li qed twassal għal diversi bidliet konkreti f’pajjiżna.

Intant, it-tema tal-laqgħa kienet dwar it-tisħiħ tal-Qorti tal-Familja fejn tkellmu numru ta’ esponenti f’dan il-qasam fosthom il-Kummissarju kontra l-Vjolenza a bażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friġġieri, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, l-avukat Veronique Dalli kif ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard. Huma tkellmu dwar l-importanza li tkompli tissaħħaħ il-Qorti tal-Familja sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minuri li fil-maġġoranza ta’ każi jisfaw vittmi taċ-ċirkostanzi familjari tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard tkellem dwar il-ħidma li qed titwettaq mill-Ministeru tiegħu sabiex jiżdied ir-riżors uman fil-Qrati ta’ pajjiżna sabiex b’hekk il-kawżi ma jittawwlux u tonqos it-tbatija li jgħaddu minnha ħafna familji b’mod partikolari fil-Qorti tal-Familja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com