“Qed Tonqsu Milli Tipproteġu L-Interess Nazzjonali Fl-Ewropa” – Peter Agius Lill-Gvern Laburista

 “Qed Tonqsu Milli Tipproteġu L-Interess Nazzjonali Fl-Ewropa” – Peter Agius Lill-Gvern Laburista

“Bħala gżira, Malta diġà ssofri diffikultajiet ta’ trasport. Ir-regoli proposti dwar il-fjuwil tal-avjazzjoni u l-ispejjeż ogħla se jżidu l-iżvantaġġi tagħna biex naċċessaw is-suq uniku Ewropew u se tkun affettwata l-industrija tat-turiżmu ta’ Malta. Din hija daqqa ta’ ħarta għall-kompetittività ta’ Malta”. L-espert tal-UE u kelliem tal-PN Dr Peter Agius għamel dawn ir-rimarki wara li l-Kumitat tat-Trasport tal-Parlament Ewropew ivvota għal regoli ġodda tal-ivvjaġġar bl-ajru li, jekk jiġu adottati mill-UE, se jaraw spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq it-trasport bl-ajru minn u lejn Malta.

Agius esprima dispjaċir kif ir-regoli l-ġodda jorbtu lil Malta bi spejjeż ferm ogħla fl-ivvjaġġar bl-ajru filwaqt li jagħmlu eżenzjonijiet għal gżejjer kompetituri u ajruporti iżgħar madwar l-Ewropa. MEPs minn pajjiżi oħra aċċertaw li r-regoli l-ġodda jeżentaw ajruporti b’inqas minn 2 miljun passiġġier fis-sena u l-ajruporti kollha fl-hekk imsejħa outermost regions tal-UE li ma jinkludux lil Malta. Malta min-naħa tagħha naqset milli tikseb emendi biex tilqa’ għas-sitwazzjoni partikolari tagħna bħala stat membru gżira.

“Ninsabu f’logħba burokratika fejn ċertu definizzjonijiet se jispiċċaw jagħtu daqqa ta’ ħarta sinifikanti lill-kompetittività tagħna. 98% tat-turisti li jiġu Malta jaslu bl-ajru filwaqt li għall-kuntrarju ta’ pajjiżi Ewropej kontinentali m’għandna l-ebda trasport bil-ferrovija jew bit-triq. Tista’ tgħid li l-ekonomija tagħna tiddependi esklussivament fuq it-trasport bl-ajru. Ir-regoli tal-UE għandhom iqisu din ir-realtà billi jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-territorji tal-gżejjer. Dan huwa każ ieħor fejn Brussell qed jipproponi leġiżlazzjoni ta’ one size fits all u l-Gvern Malti qed jonqos milli jagħmel il-każ ta’ Malta għal policies li jilqgħu għas-sitwazzjoni speċifika tagħna. Bir-regoli kif proposti, l-ekonomija tagħna se tara l-ispejjeż tal-insularità jogħlew aktar.” qal Dr Agius.

L-MEP Laburista Josianne Cutajar ipproponiet emendi fil-Kumitat tat-Trasport biex tilqa’ għas-sitwazzjoni speċifika ta’ Malta. Dawn l-emendi madankollu ma ġewx appoġġjati mill-MEPs fil-votazzjoni tal-Kumitat.

Il-vot fil-Parlament Ewropew jasal wara l-vot tal-Kunsill tal-Ministri fi Brussell fejn il-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia ivvota favur test ta’ kompromess mill-Ministri li, filwaqt li dan jirrikonoxxa l-impatt tar-regoli fuq il-gżejjer, jipposponi kull valutazzjoni tal-impatt ta’ tali regoli għal ħames snin wara li jkun seħħ id-dħul tagħhom.

“Il-kompromess iffirmat mill-Ministru Farrugia jżid mal-gravità tas-sitwazzjoni għax, filwaqt li jagħraf l-impatt addizzjonali fuq il-gżejjer, jonqos milli jieħu xi azzjoni jew jinkludi mekkaniżmu korrettiv, bil-kwistjoni titħalla għal rapport li jsir fi żmien ħames snin. Se jkun tard wisq biex fl-2027 jiġi evitat l-impatt. Irridu ninkludu salvagwardji għall-ekonomija Maltija minn issa, qabel ma nimplimentaw ir-regoli tal-UE mhux wara l-implimentazzjoni tagħhom!” insista Agius.

Agius jikkonkludi billi jgħid li dan juri li l-proposta preċedenti tiegħu lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, biex il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ispiża tal-insularità qabel ma tipproponi leġiżlazzjoni tat-trasport, hija proposta vitali għal Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com