Roof Insulation U Double Glazing: €400,000 F’Investiment Għal Effiċjenza Fl-Użu Tal-Enerġija
B’allokazzjoni ta’ €400,000, il-pubbliku se jkun jista’ jibbenefika mill-iskema tad-double jew triple glazing tat-twieqi u roof insulation biex jgħin fl-użu aktar sostenibbli tal-enerġija.
L-iskema tħabbret mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u mill-Kap Eżekuttiv tar-REWS (Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma), l-Inġ. Marjohn Abela. Permezz ta’ għotja fuq ix-xiri ta’ sistemi għall-użu domestiku, se tingħata l-għajnuna biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. L-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali u mħaddma mir-REWS u hija wkoll miżura tal-Budget.
B’din l-iskema, il-gvern se jirrifondi 50% tal-ispiża eliġibbli, sa massimu ta’ €1,000. B’hekk, l-iskema se tkopri għajnuna sa massimu ta’ €1,000 fuq retrofitted double jew triple glazing u għajnuna massima ta’ €1,000 fuq retrofitted roof insulation.
Wara li l-pubbliku wera interess għal roof insulation u double jew triple glazing, il-gvern ħaseb biex permezz ta’ din l-iskema jissussidja djar antiki eżistenti li m’għandhomx din it-tip ta’ protezzjoni. Din l-iskema hija miftuħa għal min diġà għandu l-bejt u l-aperturi lesti u jrid jibdilhom.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-gvern huwa impenjat ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu lejn id-dekarbonizzazzjoni.
“Il-viżjoni tagħna hi li nnaqqsu t-tniġġis minn sorsi ta’ enerġija, anke billi ngħinu lir-residenzi jkollhom binjiet aktar sostenibbli. Permezz ta’ dan qed insaħħu s-sostenibbiltà u nżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,” qalet il-Ministru Dalli.
L-applikanti eliġibbli jistgħu japplikaw għal din l-għotja permezz tal-formola li tinsab fuq is-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (www.rews.org.mt). Applikazzjonijiet għal din l-iskema jibdew jiġu milqugħa mis-16 ta’ Ġunju 2022 sal-aħħar tas-sena 2022.