Tnedija Ta’ Pjan Ta’ Azzjoni Nazzjonali Għall-Garanzija Tat-Tfal

 Tnedija Ta’ Pjan Ta’ Azzjoni Nazzjonali Għall-Garanzija Tat-Tfal

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal. L-għan ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huwa li jipprevjeni l-esklużjoni soċjali ta’ tfal fil-bżonn billi jiggarantixxi aċċess għal numru ta’ servizzi essenzjali. Dan iwassal sabiex jitkissru ċ-ċikli tal-faqar interġenerazzjonali filwaqt li jitrawmu opportunitajiet ugwali.

Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal (ECG) ġiet adottata f’Ġunju tal-2021 sabiex kull stat membru jkollu strutturi soċjali sabiex jipprevjenu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment fost it-tfal.  Għaldaqstant kull pajjiż membru, inkluż Malta, kien imħeġġeġ jiżviluppa pjan ta’ azzjoni nazzjonali sabiex jindirizza realtajiet soċjali diversi.

Speċifikament, il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal se jwassal għal titjib fl-aċċess ta’ numru ta’ servizzi diġà stabbiliti bħal:

  • edukazzjoni u kura bikrija fit-tfulija,
  • attivitajiet edukattivi bbażati fl-iskola,
  • kura tas-saħħa u nutrizzjoni tajba, u
  • akkomodazzjoni adegwata.

Ġie spjegat ukoll li t-tfal vulnerabbli għandhom bżonn aktar attenzjoni, għalhekk dan il-pjan se jkun għodda oħra sabiex jassisti lit-tfal li jistgħu jkunu aktar żvantaġġati minn oħrajn.

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza li dan il-pjan ta’ azzjoni huwa strument li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tat-tfal, partikolarment dawk vulnerabbli. Il-pjan ikompli jibni fuq politiki eżistenti sabiex it-tfal kollha jimmassimmizzaw il-potenzjal kollu tagħhom.

Il-Ministru Michael Falzon identifika numru ta’ miżuri bħal l-in-work benefit, it-tapering of benefits, u ż-żidiet fiċ-children’s allowance, fost l-aktar miżuri li diġà għamlu differenza pożittiva fil-ħajja tat-tfal.

“Il-gvern kommess li jiżgura li t-tfal kollha jingħataw opportunità ugwali ta’ suċċess u jtejbu l-esperjenza tat-tfulija tagħhom. Għal dan l-għan, il-gvern wiegħed li jinvesti €145 miljun matul il-ħames snin li ġejjin f’miżuri u inizjattivi sabiex jiżgura li l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura”, temm jgħid il-Ministru Falzon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com